STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ jiċċelebra l-kitba bil-Malti u l-kreattività taż-żgħażagħ
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti indirizza ċ-Ċerimonja ta' Premjazzjoni tal-Konkors ta' Letteratura għaż-Żgħażagħ, li saret fil-Librerija Pubblika Ċentrali. Din l-inizjattiva, organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, ilha sa mill-2014 tappoġġja u tippubblika rumanzi bil-Malti miktubin apposta għaż-żgħażagħ, bil-għan li ssaħħaħ il-kultura tal-qari u l-espressjoni kreattiva fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq li l-innovazzjoni vera ma tibdiex biss fil-laboratorji, iżda fl-immaġinazzjoni tal-moħħ li jiddeċiedi li jara d-dinja kif tista' tkun. “Ix-xogħlijiet li ppreżentajtu f'dan il-konkors huma eżempju ċar ta' innovazzjoni soċjali. Permezz tal-kitba, intom qed tivvintaw modi ġodda kif nifhmu l-emozzjonijiet umani, kif niffaċċjaw l-isfidi tal-lum, u kif nibnu futur li fih kulħadd iħossu mismugħ." Huwa kompla jgħid li l-investiment f'dawn il-konkorsi huwa investiment fl-aqwa riżorsa tal-pajjiż: l-intelliġenza u l-kreattività taż-żgħażagħ tagħna.
Ir-rebbieħ tal-edizzjoni tal-2025 tal-Konkors ta' Letteratura għaż-Żgħażagħkien Lon Kirkop, bil-manuskritt Clone, li ġie magħżul fuq il-bażi tal-iżvilupp narrattiv, l-oriġinalità, il-lingwaġġ u l-kwalità letterarja tiegħu. Għal din l-edizzjoni ddaħħlu erba' manuskritti, wara sejħa li fetħet f'Jannar u għalqet f'Settembru. Il-ġurija kienet magħmula minn Rita Saliba, Noel Tanti u Wayne Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna li meta ż-żgħażagħ jiktbu bil-Malti, qed juru li l-lingwa tagħna hija għodda moderna u ħajja li kapaċi ġġorr l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. “Il-paġna bajda qiegħda hemm tistenna l-marka tagħkom. Malta għandha bżonn l-ideat u l-viżjoni tagħkom biex inkomplu nikbru bħala poplu," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Matul iċ-ċerimonja saru wkoll indirizzi mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, u miċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.
Il-Kap Eżekuttiv Miriam Teuma spjegat kif din l-inizjattiva tirrifletti l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ billi tippromwovi l-parteċipazzjoni, l-inklużjoni u l-ħsieb kritiku permezz tal-kreattività. Hija enfasizzat li l-letteratura għandha rwol importanti fl-iżvilupp personali taż-żgħażagħ u fil-bini ta' ċittadinanza attiva u konxja.
Is-serata inkludiet ukoll diskussjoni f'forma ta' panel li indirizzat temi relatati mal-kitba għaż-żgħażagħ, fosthom l-istil letterarju, is-suġġetti sensittivi, id-drawwiet tal-qari fost iż-żgħażagħ u r-rwol tal-kotba bil-Malti. Il-panel kien magħmul minn Trevor Żahra, David Aloisio, Josianne Block u Maria C. Borg, Youth Work Manager fi ħdan l-Aġenzija Żgħażagħ.
Il-Konkors ta' Letteratura għaż-Żgħażagħ ikompli jikkonferma l-impenn tal-Gvern li joffri spazji u opportunitajiet li jsaħħu l-kreattività, il-lingwa Maltija u l-espressjoni kulturali, filwaqt li jinkoraġġixxi kitba ta' livell għoli li tirrifletti l-esperjenzi taż-żgħażagħ bejn it-13 u t-18-il sena.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN