STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ix-xogħlijiet fiċ-Ċentru Parrokkjali f’Ħal Safi mixjin b’ritmu mgħaġġel
Dak li sa ftit xhur ilu kien ċentru mitluq f'Ħal Safi, permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed jinbidel fi proġett ta' riġenerazzjoni ħolistika, biex jerġa' jibda jintuża bħala d-dar naturali għall-komunità Safija.
Ftit xhur ilu, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, propju fil-bitħa ta' dan iċ-Ċentru, ħabbar kif din il-binja li tmur lura għal żmien il-Kavallieri u li fil-passat kienet tilqa' liż-żgħażagħ u lis-Safin, ser ikun qiegħed isirilha xogħlijiet estensivi biex terġa' tibda tilqa' fiha liż-żgħażagħ, lill-anzjani u lill-għaqdiet volontarji tal-lokalità.
Waqt żjara lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, akkumpanjat mis-Sindku Johan Mula u l-Kappillan tal-Parroċċa Fr Ivan Scicluna, seta' jara r-ritmu mgħaġġel li għaddej bih dan il-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia stqarr li, “Il-Gvern bil-fatti jemmen li biex ikollna pajjiż ta' kwalità, irridu nsaħħu l-għaqda u s-sens ta' komunità fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Dan huwa dak li jissimbolizza dan il-proġett ta' riġenerazzjoni fiċ-Ċentru Parrokkjali ta' Ħal Safi, li ser jerġa' joffri spazju modern u ta' livell għoli għall-komunità Safija."
Is-Sindku Johan Mula qal kif ftit xhur biss wara li beda x-xogħol fuq dan iċ-ċentru, il-proċess għaddej b'ritmu tajjeb ħafna u fi ftit xhur oħra ser ikun jista' jerġa' jitgawda mill-komunità ta' Ħal Safi.
Il-Kappillan tal-Parroċċa, Fr Ivan Scicluna spjega kif minn stat ta' abbandun, dan iċ-ċentru ser jerġa' jirritorna għall-glorja tiegħu biex iservi ta' post fejn ir-residenti jistgħu jerġgħu jibdew jiltaqgħu fih u jorganizzaw attivitajiet soċjali u kulturali.
Preżenti għaż-żjara kien hemm il-Kunsill Lokali flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello u t-tim mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qiegħed imexxi dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN