STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Attività tal-Milied tferraħ l-anzjani fil-Għargħur
L‑ispirtu tal‑Milied daħal b'mod sabiħ fil‑Għargħur hekk kif ġiet organizzata attività speċjali għall‑anzjani, b'kollaborazzjoni bejn l‑Anzjanità Attiva u Kura fil‑Komunità (AACC) u d‑dar residenzjali privata Golden Care. Din l‑attività saret barra l‑binja ewlenija ta' Golden Care, fejn attendew numru sabiħ ta' anzjani li jattendu ċ‑Ċentri ta' Matul il‑Jum minn madwar Malta.
Il‑programm offra spettaklu varjat ta' mużika, żfin u kant b'parteċipazzjoni ta' diversi gruppi bħal Mellieħa Line Dance Group, il‑kor u l‑grupp taż‑żfin tal-istess lokalità u min-Naxxar. Dawn il‑gruppi huma ffurmati minn membri li jattendu ċ‑Ċentri ta' Matul il‑Jum wkoll. Matul l‑attività, banda żgħira daqqet diversi mużika tal‑Milied li żgur daħħlu l‑ferħ fil‑qlub ta' dawk preżenti. Fl-istess waqt, ġiet organizzata wkoll zona fejn l‑anzjani setgħu jiktbu xewqat tal‑Milied, li varjaw minn talbiet għal saħħa u mħabba, għal xewqat ta' paċi madwar id‑dinja.
Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea indirizza lill‑mistednin flimkien mas‑Segretarju Permanenti Renzo De Gabriele u l‑Kap Eżekuttiv tal‑AACC Steve Agius. Fid‑diskors tiegħu, is‑Segretarju Parlamentari faħħar il‑kooperazzjoni bejn is‑servizzi pubbliċi u privati, u l‑importanza ta' attivitajiet bħal dawn li jgħinu jsaħħu l‑sens ta' komunità, jnaqqsu s‑solitudni u jqassmu ferħ fost l‑anzjani tagħna.
Wara d‑diskorsi, is‑Segretarju Parlamentari flimkien mas‑Segretarju Permanenti, il‑Kap Eżekuttiv tal‑AACC u rappreżentanti tad‑dar tal‑anzjani żaru wkoll lir‑residenti ġewwa l‑home stess, fejn offrew xewqat sbieħ tal‑Milied lir‑residenti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN