STQARRIJA MINN FESTIVALS MALTA Jum ir-Repubblika – Is-Sibt 13 ta’ Diċembru 2025
Jum ir-Repubblika jfakkar il-ġurnata fejn Malta rrevediet il-Kostituzzjoni tagħha u effettivament saret Repubblika. B’hekk, Malta ma baqgħetx b’kap ta’ stat barrani u mmexxija mill-monarkija tar-Renju Unit, u minflok inħatar l-ewwel President ta’ Malta Repubblika, Sir Anthony Mamo. Fl-okkażjoni tal-51 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Uffiċċju tal-President, qed jorganizzaw attivitajiet kommemorattivi sabiex jitfakkar dan il-jum.
Is-Sibt, 13 ta’ Diċembru 2025, f’Jum ir-Repubblika, fl-10:00 ta’ filgħodu, ser tkun qed tiġi organizzata l-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta’ Malta. Għall-okkażjoni jattendu l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, flimkien ma’ mistednin distinti oħra. Festivals Malta jħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għal din iċ-ċerimonja fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Fil-11:00 ta’ filgħodu ssir ċerimonja tal-investitura u l-għoti tal-midalji fis-Sala tal-Gran Kunsill, fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta. Dawn l-avvenimenti kollha ser ikunu mxandra b’mod dirett fuq TVM +
Aktar tard filgħaxija fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika jsir marċ tul Triq ir-Repubblika mis-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali “La Vallette”. Il-marċ jibda minn Misraħ il-Ħelsien fil-5.15 ta’ waranofsinhar.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN