STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA
Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Isptar Mater Dei jiċħdu kategorikament l-allegazzjonijiet li qed isiru mill-MUMN. Il-fatti u l-kronoloġija huma kompletament differenti u d-dikjarazzjonijiet tal-MUMN m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-verità.
L-MUMN ħarġet direttiva fit-2 ta’ Diċembru 2025 biex tidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2025, iżda din aktar tard ġiet posposta għall-4 ta’ Diċembru 2025. Din id-direttiva kienet tfittex li twaqqaf operazzjonijiet salvavita tal-qalb fis-Cath Suite tal-Isptar Mater Dei, l-unika unità li twettaq dawn l-operazzjonijiet f’Malta u Għawdex. Permezz ta’ notifikazzjonijiet mibgħuta lill-MUMN fit-3 ta’ Diċembru 2025 fil-11:30am, il-Ministeru stieden lill-MUMN għal diskussjonijiet ta’ rikonċiljazzjoni. Ftit wara, f’12:05pm, l-MUMN irrifjutat din l-istedina. Wara li saret talba oħra simili fis-13:32pm, u mingħajr ebda riżultat pożittiv, il-Ministeru ma’ kellu ebda għażla oħra ħlief li japplika għal mandat fil-qorti sabiex jipproteġi s-saħħa u l-ħajja tal-pazjenti tal-qalb skedati biex jiġu operati.
Din is-sensiela ta’ avvenimenti tipprova li l-Ministeru aġixxa b’rieda tajba lejn l-MUMN. Madankollu, il-Ministeru jibqa’ leali lejn l-impenn tiegħu li jżomm l-interess suprem tal-pazjenti tiegħu.
Barra minn hekk, il-Ministeru huwa serjament imħasseb bil-fatt li waqt li jwettqu d-dmirijiet tagħhom, l-impjegati tiegħu qed ikunu soġġetti għal attakki personali, theddid u intimidazzjoni mill-MUMN. Dan kien rifless anki fil-ħruġ ta’ stqarrijiet riċenti tal-istess unjin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN