STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI: Diskussi l-effetti tal-vjolenza domestika fuq it-tfal
Konferenza li għalqet is-sittax-il jum ta' attiviżmu kontra l-vjolenza domestika ddiskutiet l-effetti tal-vjolenza domestika fuq it-tfal fost studju li wera kif it-trawma tal-vjolenza domestika tibqa' tkidd it-tfal tul għomorhom u tista' tkun il-bidu ta' ċirku vizzjuż li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li l-vjolenza domestika fil-preżenza tat-tfal hija reat fih innifsu u għandu pieni aggravati. “Ma nistgħux noħolmu għal futur mingħajr vjolenza jekk ma nagħtux prijorità lit-tfal fil-prevenzjoni mill-vjolenza domestika," qalet Rebecca Buttigieg.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li filwaqt li tifhem il-kumplessitajiet legali biex it-tfal jinfirdu mill-ġenituri meta jkun hemm relazzjonijiet abbużivi, huwa fl-interess suprem tat-tfal li jitbiegħdu minn kull episodju ta' vjolenza.
Is-Segretarju Parlamentari rreferiet għar-riċerka li saret fost adulti li fi tfulithom esperjenzaw il-vjolenza domestika li wera li aktar minn 12 fil-mija minnhom, sofrew abbużi varji. Hija qalet li għalhekk il-kampanja tas-16-il jum ta' attiviżmu iffokat fuq l-għajnuna lill-vittma, lit-tfal u lill-aggressur biex jitwaqqaf iċ-ċirku tal-vjolenza domestika.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal, “Huwa sabiħ li toħlom, imma biex ħolma issir realtà, trid taħdem għaliha. Hekk irridu nkomplu naħdmu sabiex naċċertaw illi l-ambjent domestiku jkun ħolma ta' fejn wieħed iħossu maħbub, sigur u trankwill. Għamilna ħafna f'dan is-settur, iddaħħlu riformi u emendi legali fl-aħħar snin, iżda fadal lok għal aktar xogħol xi jsir sabiex jitkisser iċ-ċiklu tal-vjolenza domestika."
Fid-diskors tagħha, Dr Lydia Abela qalet li l-familja hi l-ewwel ambjent fejn it-tfal jitgħallmu x'inhu l-imħabba, ir-rispett u r-relazzjonijiet b'saħħithom u li meta dan l-ambjent jinkiser dan jikkawża konsegwenzi fit-tul. Saħqet li jridu jassiguraw li t-tfal ikunu mgħarrfa li l-abbuż fid-dar mhuwiex normali, li l-vittmi jingħataw is-sapport u s-servizzi meħtieġa biex joħorġu minn sitwazzjoni ta' biża', kif ukoll li l-aggressur jingħata l-għajnuna biex jifhem l-imġiba tiegħu u jibdilha.
“Ħadd minn uliedna ma jixraqlu jgħix fil-vjolenza u l-abbuż u se nibqgħu naħdmu bla waqfien biex nipprevjenu, nintervjenu u nindirizzaw il-vjolenza domestika f'kull forma tagħha. Il-ħolma li tkellimna fuqha matul din il-kampanja tmur lil hinn mill-kliem—irridu nfasslu realtà fejn kull tifel u tifla jikbru f'dar sigura, fejn il-ġenituri jsiru sors ta' serħan u mhux ta' biża', fejn isibu min jgħinhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u fejn il-vjolenza domestika ma tibqax pjaga li nidrawha, iżda sfida li bl-impenn tagħna lkoll nistgħu negħlbu," temmet tgħid Dr Lydia Abela.
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan qalet li għalkemm is-sittax-il jum ta' attiviżmu jintemmu b'din il-konferenza, l-ħidma kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika trid tissokta s-sena kollha bit-twettieq ta' aktar miżuri mill-istrateġija kontra l-vjolenza domestika.
Fil-konferenza ħadu sehem diversi professjonisti li fost oħrajn iddiskutew kif jistgħu jissaħħu iżjed l-istrutturi ta' appoġġ b'enfasi fuq il-protezzjoni tat-tfal fil-proċeduri legali f'każijiet ta' vjolenza domestika.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN