STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jattendi u jipparteċipa fil-Laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, ħa sehem fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li saret fi Brussell. Il-laqgħa ffukat fuq il-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja, inklużi r-responsabbiltà għar-reati internazzjonali, il-koerenza fil-liġi kriminali tal-UE, u x-xogħol li għaddej relatat mal-applikazzjoni u l-possibbiltà tas-simplifikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).
Il-Ministru Attard qal li “t-tema prinċipali fl-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja kienet ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna.” Huwa tenna li “għal Malta, il-ġlieda kontra l-impunità tibqa’ prijorità ċentrali; aħna nemmnu bis-sħiħ u nkomplu nappellaw għall-paċi.”
Filwaqt li rrefera għad-diskussjonijiet dwar il-kontabbiltà għar-reati internazzjonali, il-Ministru saħaq li “l-kooperazzjoni bejn diversi mekkaniżmi internazzjonali tal-ġustizzja, inkluż it-Tribunal Speċjali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali, huma essenzjali.” Żied jgħid li “Malta diġà tat il-kontribut tagħha u se tkompli tappoġġja b’mod attiv dawn l-inizjattivi, b’rispett sħiħ lejn is-Saltna tad-Dritt u l-valuri Ewropej.”
Matul il-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministri enfasizzaw l-importanza li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-korpi ġudizzjarji internazzjonali sabiex tiġi żgurata l-kontabbiltà għal ksur serju tal-liġi internazzjonali. Malta rriaffermat l-appoġġ tagħha għal approċċ koerenti u effettiv fuq livell Ewropew.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet mudell għal-liġi kriminali tal-UE, intiżi biex jissaħħaħ il-livell ta’ koerenza f’miżuri leġiżlattivi futuri fis-settur tal-ġustizzja. Malta laqgħet din il-ħidma li għaddejja, u saħqet fuq l-importanza li jiġu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali filwaqt li tiġi żgurata kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva.
Il-Ministri tal-Ġustizzja rrevedew ukoll is-sitwazzjoni preżenti fejn jidħlu l-applikazzjoni u l-possibbiltà tas-simplifikazzjoni tal-GDPR, partikolarment fil-kuntest ta’ qafas usa’ tal-politika diġitali tal-UE. Malta enfasizzat li kwalunkwe simplifikazzjoni trid tissalvagwardja l-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data mogħti liċ-ċittadini tal-UE.
Punti importanti oħra fuq l-aġenda kienu jinkludu l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN