STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Aquatic Resources Malta tniedi l-VisionARM 2050: Pjan Nazzjonali għal Riċerka fis-Sajd u l-Akkwakultura
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said u l-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Aquatic Resources Malta (ARM), Dr Frank Fabri, nedew VisionARM 2050, qafas strateġiku fit-tul li jistabbilixxi l-pjan ambizzjuż ta' Malta biex tittrasforma r-riċerka akkwatika, il-governanza tas-sajd u l-innovazzjoni fl-akkwakultura għas-snin li ġejjin.
VisionARM 2050 tpoġġi lil ARM bħala ċentru ta' eċċellenza fir-riċerka tas-sajd u l-akkwakultura, u hi bbażata fuq erba' pilastri prinċipali:
1. Eċċellenza Xjentifika u Innovazzjoni
2. Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi u Reżiljenza Ekosistemika
3. In-Nies u l-Ħiliet għall-Ekonomija Blu
4. Governanza, Sħubijiet u Trasformazzjoni Diġitali
Il-viżjoni tiddeskrivi l-impenn ta' Malta biex tissaħħaħ ir-riċerka, tiżviluppa faċilitajiet xjentifiċi avvanzati, tirrestawra l-ekosistemi marittimi, ittejjeb il-governanza bbażata fuq id-data, u tappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet għal ġenerazzjonijiet futuri fl-ekonomija blu.
Il-Ministru Anton Refalo spiega kif, “Illum qed nagħlqu dan l-avveniment b'sens qawwi ta' tama u impenn. Inqas minn sentejn ilu twaqqfet Aquatic Resources Malta, l-aġenzija nazzjonali tagħna dedikata għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tekniku fis-sajd u fl-akkwakultura. F'dan iż-żmien qasir, Aquatic Resources Malta diġà wriet li Malta kapaċi tifhem il-bżonn li f'dan is-settur tar-riċerka tibni istituzzjoni moderna, serja u mmexxija mix-xjenza, istituzzjoni li waqt li tirrispetta l-passat tagħna, b'mod ċar tħares ukoll lejn il-ġejjieni."
Il-Ministru Refalo spjega wkoll kif, “Illum ARM mhijiex biss amministrazzjoni, imma hija ċentru ta' għarfien. L-aġenzija qed twettaq diversi proġetti ta' riċerka li jindirizzaw aspetti meħtieġa fis-sajd u fl-akkwakultura f'pajjiżna. L-Aġenzija qed tikkontribwixxi hija wkoll biex ikun hemm għarfien xjentifiku ta' speċi varji tagħna, l-ambjent akkwatiku tagħna, u l-isfidi li rridu nindirizzaw bħala pajjiż."
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat l-importanza ta' riċerka avvanzata għall-ekonomija blu ta' Malta, filwaqt li tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f'setturi tas-sajd u tal-akkwakultura li huma sostenibbli.
Bugeja Said spjegat kif VisionARM 2050 tirrappreżenta mument storiku għas-setturi tas-sajd u l-akkwakultura f'Malta. Hi qalet li f'pajjiżna kien jinħass il-bżonn ta' pjan biex is-settur tal-akkwakultura jkompli javvanza u jikber u mill-bidu ħadmet biex jitwettaq dan. Hi qalet, “Xhieda tal-impenn tagħna għal dan is-settur kien meta nidejna din l-aġenzija madwar sentejn ilu u emminna fil-kapaċitajiet ta' ARM li, taħt it-tmexxija ta' Dr Fabri, kien se jkun hemm viżjoni fit-tul. Illum qed naraw il-frott ta' din l-aġenzija għax permezz ta' din il-viżjoni qed ninvestu fl-eċċellenza xjentifika, fl-iżvilupp ta' riċerkaturi ġodda u f'futur aktar reżiljenti u sostenibbli għall-ambjent marittimu tagħna." Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet li, “Illum qed niftħu kapitlu ġdid ta' trasformazzjoni bbażata fuq kollaborazzjoni, riċerka u innovazzjoni."
Il-Kap Eżekuttiv ta' ARM, Dr Frank Fabri, indirizza wkoll il-konferenza u tenna l-impenn tal-Aġenzija lejn eċċellenza xjentifika u kollaborazzjoni mad-diversi partijiet interessati fil-gvern, l-akkademja, l-industrija u l-imsieħba internazzjonali.
“Hekk kif Aquatic Respurces Malta rnexxielha tħaddem mill-ġdid il-faċilitajiet u twettaq riċerka, fetħet għall-pubbliku l-Forti ta' San Luċjan u tilħaq ftehimiet ma' istituzzjonijiet ewlenin ġewwa Franza u l-Italja, issa ħabbret il-viżjoni ambizzjuża tagħha – VisionARM 2050 – mibnija fuq erba' pilastri ewlenin, b'40 miżura u bi pjan ta' twettiq mifrux fuq tliet fażijiet. Dr Frank Fabri, il-Kap Eżekuttiv ta' Aquatic Resources Malta, spjega kif l-Aġenzija ġiet quddiem il-pubbliku b'viżjoni ambizzjuża ħafna li b'impenn serju u professjonali ser tkun qed titwettaq bi sħab mas-sajjieda, mal-industrija tal-akkwakultura, mal-awtoritajiet u l-entitajiet li joperaw fis-settur biex Malta jkollha ċentru ta' riċerka eċċellenti u li jservi bħala punt ta' riferiment fil-Mediterran, fl-Ewropa u internazzjonalment."
VisionARM 2050 hija mfassla u tallinja mal-Viżjoni Malta 2050 biex tiggwida l-iżvilupp ta' Malta bħala mexxejja fir-riċerka akkwatika, speċjalment bħala stat gżira żgħir li qed jiffaċċja sfidi klimatiċi u marittimi dejjem jiżdiedu. Il-viżjoni tinkludi tliet fażijiet – Investimenti Bażiċi (2025–2030), Tmexxija Reġjonali (2031–2040) u Rikonoxximent Globali (2041–2050) – li flimkien jibnu l-kapaċità, l-infrastruttura u s-sħubijiet meħtieġa għal futur sostenibbli fit-tul.
Għal iktar informazzjoni dwar VisionARM 2050, żur aquaticresources.gov.mt
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN