STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Iktar investiment f’residenzi li jirrisjedu fihom tfal
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jgħin u jsaħħaħ il-finanzjament t'aktar residenzi tat-tfal, sabiex ikomplu jsaħħu l-livelli ta' servizzi offruti.
Propju l-Erbgħa filgħodu, kien estiż ftehim soċjali bejn il-Ministeru u r-residenza Frate Jacoba li tinsab f'Marsaskala.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon ħabbar li dan il-ftehim il-ġdid se jlaħħaq investiment t'aktar minn miljun u nofs ewro, fuq medda ta' tliet snin.
“L-Istat kontinwament jinvesti f'dan il-qasam tant sensittiv u importanti għal pajjiżna. Dan sabiex kull tifel u tifla jingħataw opportunitajiet ugwali, edukazzjoni u saħħa, u aċċess għall-isports u ħin liberu," saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, Fr Ray Scicluna, il-Kap ta' Frate Jacoba, tkellem dwar il-mod li jingħata bih it-tagħlim edukattiv, li jsir b'mod speċifiku u flessibbli skont l-esiġenzi tat-tfal.
Fil-fatt it-tagħlim ma jsirx f'ħin fiss, iżda fl-aktar ħin adattat għat-tfal u l-iżvilupp tagħhom. Ħafna mit-tagħlim jibda minn xogħol tal-idejn li jgħin lit-tfal joħorġu l-emozzjonijiet tagħhom u iktar tard jingħataw lezzjonijiet marbuta mat-teorija.
Frate Jacoba, tilqa' minuri u adolexxenti bi problema severa fl-imġiba tagħhom, u li ħafna drabi jkunu taħt ħarsien alternattiv. Dan ifisser li dawn it-tfal ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom, minħabba ambjent li jkun jista' jipperikola l-ħajja tat-tfal.
Fil-preżent, f'Malta u Għawdex, hawn madwar 400 tifel u tifla illi jgħixu f'20 dar residenzjali għat-tfal fejn fiha jingħataw attenzjoni u mħabba minn professjonisti dedikati fis-settur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN