STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Proġetti finanzjati mill-UE biex isostnu l-ħidma ta’ Caritas Malta
Dan il-proġett, b’investiment totali ta’ €4.2 miljun li minnhom €2.8 miljun ġew finanzjati mill-UE, jiġbor taħt saqaf wieħed is-servizzi kollha mhux residenzjali u l-operat amministrattiv ta’ Caritas Malta. Il-faċilità tipprovdi ambjent aktar effiċjenti, strutturat u professjonali li jtejjeb l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi offruti lill-persuni l-aktar vulnerabbli fil-komunità. Grazzi għal dan l-investiment, 600 persuna vulnerabbli oħra issa qed jirċievu servizzi aħjar u aktar adegwati.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-ministru faħħar ix-xogħol li sar f’dan iċ-ċentru, li jsaħħaħ l-azzjoni nazzjonali għal sfidi soċjali kumplessi. Huwa tenna li dan huwa wieħed mill-akbar investimenti f’infrastruttura soċjali li saru fil-pajjiż permezz tal-fondi Ewropej, u li qed jagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ ħafna nies. “Dan iċ-ċentru mhux biss joffri servizzi; huwa spazju li jerġa’ jibni l-fiduċja u d-dinjità tan-nies,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi. “Meta naraw il-bidla li qed issir permezz tal-fondi Ewropej u l-ħidma volontarja ta’ Caritas, nifhmu tassew il-valur ta’ investiment soċjali sostenibbli. Investiment li jbiddel il-ħajja tan-nies u mhux biss l-infrastruttura.”
Il-ministru semma wkoll kif il-fondi Ewropej qed ikomplu jsostnu l-missjoni ta’ Caritas Malta permezz ta’ proġetti oħra. Fosthom hemm il-proġett taċ-Ċentru ta’ Caritas Tal-Ibwar, iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF), li b’investiment ta’ ftit aktar minn €100,000 tejjeb l-appoġġ edukattiv għal adolexxenti b’użu problematiku ta’ sustanzi. Il-programmi introdotti jinkludu taħriġ fl-ICT u fil-midja diġitali, u joffru approċċ edukattiv aktar modern u olistiku biex dawn iż-żgħażagħ jingħataw l-aħjar opportunità biex jerġgħu jintegraw b’mod b’saħħtu fis-soċjetà.
Il-ministru rrefera wkoll għall-proġett Stepping Stone, li għandu l-għan li jipprovdi ambjent sigur u rikreattiv għal nisa u t-tfal tagħhom, li jkunu temmew programm ta’ riabilitazzjoni, filwaqt li jitwessa’ wkoll għal żgħażagħ u adolexxenti li temmew b’suċċess programmi speċjalizzati fiċ-Ċentru tal-Ibwar. Din l-inizjattiva toffri spazju protett u stabbli biex dawn il-persuni ma jerġgħux jispiċċaw f’ambjenti tossiċi u jkunu jistgħu jibnu futur aktar sigur.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, esprima l-apprezzament tal-organizzazzjoni għall-appoġġ kontinwu tal-fondi Ewropej u tal-Gvern. “Dawn il-proġetti jagħtuna l-possibbiltà li nkomplu nagħtu servizzi professjonali u ta’ livell għoli lil kull min idur għandna għall-għajnuna,” qal is-Sur Gatt. “Grazzi għal dawn l-investimenti, nistgħu naġġornaw il-metodi tagħna, inżidu l-kapaċità tagħna u nibqgħu nkunu preżenti għall-komunità vulnerabbli ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi temm billi rringrazzja lill-ħaddiema u lill-voluntiera ta’ Caritas għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom, u saħaq li l-Gvern se jkompli jagħti prijorità lill-proġetti li jsaħħu l-infrastruttura soċjali u jippromwovu l-inklużjoni. Huwa tenna li permezz tal-fondi Ewropej tal-programm il-ġdid, il-pajjiż se jkompli jsaħħaħ dawn is-servizzi sabiex ħadd ma jibqa’ lura, filwaqt li jkompli jibni komunità aktar ġusta u aktar inklussiva.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN