STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Tibda l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-midja soċjali
Il-gvern nieda Green Paper dwar il-midja soċjali biex isservi ta' xprun għall-konsultazzjoni pubblika bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni għat-tfal, l-adolexxenti u l-persuni vulnerabbli.
Il-Green Paper ġiet ippubblikata waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg.
Il-Ministru Michael Falzon qal li huwa evidenti li għad fadal nuqqas ta' għarfien fejn tidħol dik li hija età regolatorja għall-użu tal-mezzi soċjali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali saħaq li l-mezzi soċjali qed iħallu ċerti pressjonijiet speċjalment dawk marbuta ma' perfezzjoni u attakki marbuta ma' cyber bullying.
“Għaldaqstant dan il-gvern qed jiftaħ din il-konsultazzjoni li ser tgħin sabiex jitħejja qafas leġiżlattiv bil-għan li jagħti salvagwardja iktar b'saħħitha, speċjalment lill-faxex vulnerabbli bħalma huma t-tfal u l-adolexxenti", saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-midja soċjali ħolqot bosta realtajiet, ħafna minnhom pożittivi, iżda oħrajn li qegħdin iħallu impatt negattiv speċjalment fuq it-tfal, l-adolexxenti u l-persuni vulnerabbli.
Hija stqarret li r-regolamentazzjoni tal-midja soċjali mhix faċli minħabba l-kuntest internazzjonali tagħha.
“Jeżisti sens ta' realizzazzjoni li l-pjattaformi tal-midja soċjali ma jistgħux jibqgħu jaħdmu mingħajr ma l-gvernijiet u l-awtoritajiet madwar id-dinja jħarsu lejn l-effetti tagħhom," saħqet Rebecca Buttigieg.
Hija spjegat li kumitat tekniku beda x-xogħol biex isiru rakkomandazzjonijiet lill-gvern dwar kif tista' tingħata protezzjoni lil persuni vulnerabbli fuq il-midja soċjali u kif tista' tissaħħaħ l-edukazzjoni diġitali anke fost l-adulti li huma wkoll esposti għall-effetti tal-midja soċjali.
Is-segretarju parlamentari qalet li din il-Green Paper tistabbilixxi l-fatti u tagħmel sensiela ta' mistoqsijiet biex tipprovdi pjattaforma għal diskussjoni u konsultazzjoni marbuta mar-rieda li nipproteġu lit-tfal u lill-persuni vulnerabbli.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li punt importanti f'din il-konsultazzjoni huwa li kull riforma trid issir b'rispett sħiħ lejn id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni.
Dawk li jixtiequ jipparteċipaw f'din il-konsultazzjoni jistgħu jagħmlu dan billi jżuru s-sit publicconsultation.gov.mt sas-27 ta' Frar 2026.
Link għad-dokument: https://reforms.gov.mt/wp-content/uploads/2025/12/GREEN-PAPER-REFORM-ENG.pdf
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN