STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi kors ġdid universitarju akkreditat fil-lingwa tas-sinjali Maltija
Għotja finanzjarja ta' €70,000 mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat favur il-ħolqien ta' dan il-kors
Tnieda kors ġdid akkreditat fil-lingwa tas-sinjali Maltija, wara li din il-professjoni kompliet tissaħħaħ permezz tal-għoti tal-warrants għal dawk li jipprattikawha.
Fil-Jum Dinji tad-Diżabilità 2025, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia żaret waħda mil-lekċers ta' dan il-kors. Dan il-kors qed isir b'kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, l-Università ta' Malta u l-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
Din l-inizjattiva, li bdiet f'Ottubru ta' din is-sena, tagħmel parti mis-sħubija strateġika bejn dawn l-entitajiet u hi allinjata mal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità 2021–2030. Għal dan il-għan, il-Ministeru offra għotja finanzjarja ta' €70,000 favur il-ħolqien ta' dan il-kors.
Il-kors il-ġdid, approvat mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwi tal-Università ta' Malta, qiegħed jipprovdi taħriġ komprensiv fil-lingwistika tas-Sinjali, b'mira li jsaħħaħ il-ħiliet ta' persuni u studenti fl-għarfien u l-użu tal-lingwa Maltija tas-Sinjali. Il-programm miftuħ għal dawk li diġà għandhom kompetenza fil-LSM (Maltese Sign Language), fosthom persuni neqsin mis-smigħ u interpreti tas-sinjali, filwaqt li se joffri opportunità lil dawk li jixtiequ jsiru għalliema professjonali tal-LSM.
L-inizjattiva tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità billi tqajjem kuxjenza dwar id-diżabilità u tippromwovi l-inklużjoni permezz tal-edukazzjoni. Se toffri wkoll appoġġ dirett lill-komunità ta' nies neqsin mis-smigħ billi toħloq ġenerazzjoni ġdida ta' għalliema tas-Sinjali kwalifikati, inkluż għalliema nfushom li huma neqsin mis-smigħ.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “il-ħolqien ta' Diploma fil-Lingwistika Maltija tas-Sinjali tirrappreżenta pass storiku mhux biss għall-edukazzjoni iżda wkoll għall-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni. Għandna responsabbiltà ċara li nagħtu lill-komunità ta' nies neqsin mis-smigħ l-opportunitajiet li jixirqilhom, u li niżguraw li l-lingwa tas-sinjali Maltija tiġi rikonoxxuta u apprezzata bħala parti integrali mill-identità kulturali tagħna. Permezz ta' din l-inizjattiva, qed nagħtu ċ-ċans lil persuni neqsin mis-smigħ biex ikunu mhux biss studenti, imma wkoll għalliema u mexxejja fil-qasam tagħhom. Dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jimplimenta l-istrateġiji tagħna b'serjetà u determinazzjoni, u li noħolqu aktar impjiegi u opportunitajiet reali għal kull min irid jikkontribwixxi. Din mhix biss kisba edukattiva, iżda wkoll messaġġ qawwi ta' rispett, ugwaljanza u inklużjoni", qalet il-Ministru Farrugia.
Wara l-ftuħ tal-applikazzjonijiet, l-Università ta' Malta rċeviet 14-il applikazzjoni mingħand studenti neqsin mis-smigħ li wrew interess f'dan il-kors. Il-lezzjonijiet qed jiġu offruti minn taħlita ta' akkademiċi lokali u internazzjonali, inkluż żewġ edukaturi neqsin mis-smigħ.
Dan il-kors jirrifletti biss parti mill-impenn usa' li dan il-Ministeru għandu lejn id-dritt għall-aċċess tal-komunità ta' persuni neqsin mis-smigħ f'Malta u f'Għawdex. Lejliet l-għaxar sena minn meta l-Parlament Malti unanimament adotta liġi proposta minn dal-Gvern, li kkonfermat il-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħala lingwa uffiċjali, fil-21 ta' Novembru ġie ppubblikat l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Għoti ta' Warrants lill-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali.
Imfaħħar minn entitajiet bħall-WASLI (World Association of Sign Language Interpreters), l-EFSLI (European Federation of Sign Language Interpreters), il-WFD (World Federation of the Deaf) u l-EUD (European Union of the Deaf), l-Assoċjazzjoni tal-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija sejħet lil dan l-iżvilupp "mument storiku, biex jiġu stabbiliti standards, rikonoxximent u kontabbiltà" għal dawn l-interpreti, filwaqt li l-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija saħaq li issa għandna "garanzija ta' servizz tal-ogħla kwalità għall-komunità deaf fil-gżejjer tagħna".
Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Professur Alfred J. Vella, saħaq li dan il-kors huwa opportunità sabiħa għall-Università, hekk kif jgħin biex jissaħħu d-drittijiet tal-komunità deaf f'pajjiżna. Huwa faħħar lill-Università talli qed tniedi dan il-proġett ġdid u esprima l-aspirazzjoni tiegħu li dan il-kors isir parti normali mix-xogħol akkademiku tal-Università ta' Malta.
Lettur tal-kors, Ben Matthew, spjega kif bħalissa 14-il student qed isegwu dan il-kors. Huwa żied li huwa interessanti ħafna kif għall-ewwel darba dan il-kors qed jiġi offrut bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, u qed isir kompletament fuq il-lingwa tas-sinjali.
Loran Ripard Xuereb, membru fil-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, qal li l-Kunsill ħadem biex, għall-ewwel darba, tingħata l-opportunità li jinħoloq u jiġi offrut kors speċjalizzat ta' dan it-tip f'pajjiżna. Saħaq li permezz ta' dan it-taħriġ se jkun hemm aktar persuni kwalifikati biex jgħallmu l-Lingwa tas-Sinjali fil-futur.
Alexia Petrou, studenta f'dan il-kors, qalet li permezz tiegħu ngħatat l-opportunità li tkun studenta tal-Università u li tħejji ruħha biex issir għalliema tal-Lingwa tas-Sinjali. Illum, il-ħolma tagħha biex issir għalliema tal-Lingwa tas-Sinjali qed issir realtà.
Wara li jiggradwaw, il-parteċipanti se jkunu ċċertifikati bħala għalliema tal-LSM u se jkunu jistgħu joffru korsijiet addattati kemm lil persuni neqsin mis-smigħ, kif ukoll lil dawk bis-smigħ, sabiex il-Lingwa tas-Sinjali Maltija ssir aktar aċċessibbli fis-soċjetà tagħna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN