STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jitħabbar pjan biex jitjieb l-aċċess u tiżdied is-sigurtà f’toroq sekondarji
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar pjan b’numru ta’ interventi f’toroq sekondarji bl-għan li titjieb il-konnettività bejn diversi lokalitajiet, filwaqt li tiżdied is-sigurtà u l-aċċess f’dawn iż-żoni. Il-pjan jinkludi t-twessigħ ta’ partijiet minn dawn it-toroq, partikolarment f’żoni fejn preżentement it-triq tidjieq b’mod li żewġ vetturi ma jgħaddux f’direzzjoni opposta.
Waqt konferenza stampa fi Triq Bur il-Kbir fis-Siġġiewi, tħabbar li x-xogħol fuq din it-triq ser ikun qed jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla, b’intervent ieħor pjanat fi Triq l-Imqabba li jibda eżatt wara. B’hekk ma tinħoloqx pressjoni żejda fuq in-netwerk tat-toroq taż-żona, minħabba l-viċinanza taż-żewġ proġetti.
Is-sena d-dieħla mistenni jibda wkoll ix-xogħol fuq Triq id-Daħla ta’ San Tumas li miż-Żejtun twasslek għal Wied il-Għajn. Intervent ieħor li qed jiġi studjat huwa dak tat-Triq tal-Miżieb, li flimkien mat-telgħa tax-Xemxija sservi bħala waħda mir-rotot ewlenin li jwasslu għall-Mellieħa. Bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’diversi studji u analiżi biex kwalunkwe intervent jirrispetta l-ambjent u n-natura sensittiva taż-żona.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett spjega kif matul l-aħħar xhur, ġew identifikati numru ta’ toroq li jeħtiġilhom xogħol biex titjieb l-aċċessibbiltà u jkunu aktar siguri għan-nies li ta’ kuljum jużawhom bħala parti mill-vjaġġ tagħhom. Huwa qal li dan ix-xogħol ser ikun qed jindirizza żoni kritiċi f’dawn it-toroq biex jassiguraw li kull min jgħaddi minn dawn it-toroq ikun jista’ jagħmel dan b’mod sigur. “Il-gvern qed jieħu dawn id-deċiżjonijiet biex ikompli bil-pjan tiegħu li jtejjeb il-mobilità f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul qal li dan ix-xogħol huwa meħtieġ biex dawk kollha li jgħaddu minn dawn it-toroq ikunu jistgħu jagħmlu dawn b’mod effettiv u sigur. Huwa spjega li dan ix-xogħol ser ikun qed isir b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għal min bħalissa jgħaddi minn dawn it-toroq.
Għal din il-konferenza attendew ukoll rappreżentanti mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, iż-Żejtun u l-Mellieħa, lokalitajiet fejn ser isir dan ix-xogħol.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN