STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI €86 miljun ta’ fondi mill-UE biex tittejjeb l-infrastruttura tal-ilma u tad-drenaġġ ta’ Malta
Il-pjan ta' investiment nazzjonali ta' Malta biex jimmodernizza l-immaniġġjar u s-sostenibbiltà tas-settur tal-ilma u tad-drenaġġ miexi b'suċċess, b'numru ta' proġetti issa jikkwalifikaw għal finanzjament tal-UE u finanzjament nazzjonali.
Waqt konferenza stampa mill-Ministru għall-Enerġija Dr Miriam Dalli u mill-Ministru għall-Fondi Ewropej Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħabbret programm ta' investiment sinifikanti għal interventi ewlenin li qed jiġu ppjanati kemm għas-sistemi tal-ilma kif ukoll għas-sistemi tad-drenaġġ.
“Qed naħdmu bla waqfien fuq pjan b'saħħtu ta' għaxar snin li nedejna rigward investimenti strateġiċi fl-oqsma tal-ilma u tad-drenaġġ. B'dan il-mod, qed niżguraw li Malta tkun ippreparata għall-futur kemm fil-produzzjoni tal-ilma kif ukoll fit-trattament tad-drenaġġ," qalet il-Ministru Dalli.
Dawn il-proġetti se jżidu l-kapaċità tal-produzzjoni, itejbu l-kwalità tal-ilma, inaqqsu l-intrużjoni tal-ilma baħar, jipprevjenu milli jfur l-ilma, u jsaħħu n-netwerk tal-ilma tad-drenaġġ biex jilħaq il-livelli staġjonali u t-tkabbir demografiku. Il-pjan ta' investiment jippromwovi wkoll żieda fil-produzzjoni tal-New Water għall-agrikoltura u l-ispazji ħodor.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq fuq l-importanza li l-pajjiż ikompli jinvesti f'infrastruttura moderna u reżiljenti tal-ilma u s-sistemi ta' dranaġġ, bl-appoġġ dirett tal-fondi Ewropej. Huwa fakkar ukoll kif proġetti ffinanzjati mill-UE, fosthom l-ewwel reverse osmosis f'Għawdex li fetaħ erba' snin ilu u li llum jipprovdi ilma ta' kwalità lil eluf ta' familji, qed jagħtu bidliet konkreti fil-kwalità tal-ħajja.
Il-Ministru tenna li dawn l-investimenti huma kruċjali biex pajjiżna jibqa' sigur u lest għall-futur. “Il-fondi Ewropej mhux biss qed jagħtuna l-mezzi biex intejbu l-provvista tal-ilma, iżda qed isaħħu s-sigurtà nazzjonali u jagħmluna aktar reżiljenti għall-isfidi klimatiċi u ambjentali. Bħala pajjiż, irridu nibqgħu nħarsu 'l quddiem u ninvestu f'sistemi effiċjenti u sostenibbli li jipprovdu lill-familji tagħna għal bosta snin," qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Ix-xogħlijiet imħabbra mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, jinkludu titjib sinifikanti fl-impjanti tar-reverse osmosis, billi jsaħħu l-produzzjoni, l-effiċjenza, u l-kwalità tal-ilma. Qed jiġu stabbiliti ukoll mains ġodda tal-ippumpjar u konnessjonijiet ta' reservoirs biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-provvista. F'żoni bħal Selmun, Għawdex, il-Birgu, Bormla u l-Isla, l-aġġornamenti tan-network għandhom l-għan li jnaqqsu t-tnixxija, itejbu l-kwalità tal-ilma, u jassiguraw servizz aktar affidabbli għan-nies. Il-proċessi tal-ġbir tal-ilma ta' taħt l-art qed jiġu rfinuti, u qed jiġi investit f'tagħmir ġdid tal-laboratorju biex tittejjeb aktar il-kwalità tal-ilma.
Inizjattivi ewlenin għat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ fin-naħa ta' fuq ta' Malta jinsabu għaddejjin, fosthom hemm micro tunneling tal-mini, kisi ġewwa l-pajpijiet tad-drenaġġ, u tibdil tal-pajpijiet qodma. F'żoni madwar iż-Żejtun, l-Imqabba, Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, u Birżebbuġia, qed jinbnew galleriji ġodda. L-estensjonijiet tan-network fir-Rabat u Ħad-Dingli se jgħaqqdu d-djar li bħalissa jinsabu barra n-netwerk ewlieni tad-drenaġġ, u b'hekk jespandu l-aċċess.
L-impjanti tat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ ta' Malta fin-naħa tat-Tramuntana u f'Għawdex qed jiġu estiżi wkoll biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li dejjem qed jikbru.
“Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha rekord pożittiv ħafna fir-rigward tat-twettiq ta' proġetti kritiċi għall-pajjiżna. F'dan ir-rigward, il-ħaddiema tagħna se jwettqu dawn il-proġetti b'attenzjoni u responsabbiltà kbira. Il-pjan jirrifletti xogħol tekniku serju, snin ta' preparazzjoni u impenn għas-sostenibbiltà fit-tul. Kull intervent jissarraf f'titjib ċar fis-servizz li nipprovdu," qal Karl Cilia.
Il-Pjan ta' Investiment Nazzjonali ta' Malta għall-infrastruttura tal-ilma u tad-drenaġġ jalloka aktar minn €370 miljun bejn l-2023 u l-2033. Il-kofinanzjament tal-programm UE 21–27 jammonta għal €86 miljun. Il-Green Bonds tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jikkontribwixxu €12-il miljun addizzjonali għall-istess għan.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN