STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Jiġu approvati l-ewwel 8 proġetti ffinanzjati mill-Fond tal-Akwakultura
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret l-ewwel tmien proġetti sottomessi minn 6 benefiċjarji differenti li se jibbenifikaw għall-ewwel darba mill-Fond tal-Akwakultura b’investiment totali ta’ €80,000. Dan sar waqt ċerimonja ta’ ffirmar tal-kuntratti bejn id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura u l-benefiċċjarji.
Wara s-sejħa għall-applikazzjonijiet li saret aktar kmieni din is-sena u li għalqet fl-aħħar ta’ Lulju, id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura rċieva u evalwa 10 proposti sottomessi minn istituzzjonijiet edukattivi bħall-MCAST, u NGOs. Il-proġetti magħżula jirriflettu ideat differenti u innovattivi biex titjieb il-kuxjenza ambjentali, u tinbet il-ħajra fit-tfal sabiex ifittxu karrieri f’dan is-settur u tkompli tikber l-ekonomija blu.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li, “Dan il-Fond qed ikompli joħloq opportunitajiet reali għall-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fis-setturi tal-akwakultura u l-ambjent marittimu. Il-proġetti magħżula juru l-impenn qawwi tal-istituzzjonijiet edukattivi, tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet komunitarji biex jagħtu kontribut sinifikanti għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu u t-tkabbir responsabbli tal-akwakultura.”
Fl-intervent tiegħu, l-Aġent Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akwakultura, Bjorn Azzopardi, spjega kif dan il-Fond twaqqaf wara emendi legali fl-2023, fejn parti mill-ħlas li l-operaturi tal-akwakultura jagħmlu kull sena għall-permessi u konċessjonijiet jgħaddu lid-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura sabiex jiġu depożitati f’dan il-fond. Il-Fond ġie mwaqqaf biex jiffinanzja proġetti minn studenti, istituzzjonijiet edukattivi, NGOs, kif ukoll entitajiet pubbliċi sa massimu ta’ €10,000 li jiġu implimentati fuq perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said temmet tgħid, “Permezz ta’ dan l-investiment kollettiv, qed insaħħu l-pedamenti tal-ekonomija blu ta’ pajjiżna u nqajmu kultura li tqiegħed ir-responsabbiltà ambjentali fiċ-ċentru tagħha.”
L-organizzazzjonijiet li kienu eliġibbli li jibbenifikaw minn dan il-Fond u t-titli tal-proġetti tagħhom huma:
• Coast is Clear Foundation – Marine Environmental Awareness and Clean-up Campaign;
• Għaqda Mużikali Beland AD 1861 – Symphony of the Sea;
• MCAST – Enhancing Sustainable Aquaculture in Malta through Recirculating Aquaponics and Groundwater Reuse for Food Security;
• Nature Trust – Pilot Study on the Feasibility of Co-culturing the Sea Urchin Paracentrotus lividus with Commercial Fish Species in Maltese Fish Farms;
• St Joseph Band Club – Għaxaq – Educating our Communities about the Marine Ecosystem, its Biodiversity and the Benefits that Food Derived from our Seas have on our Health;
• Żibel – Project Qabda, Project Extend u Project Pontus.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN