STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Jitħabbru d-dettalji dwar it-tielet edizzjoni ta’ ‘Porkilicious’ – avveniment li jippromwovi s-sostenibbiltà u l-kwalità tal-majjal Malti b’għan nobbli
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar id-dettalji tat-tielet edizzjoni ta’ “Porkilicious”, avveniment kulinari u edukattiv li se jsir nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru 2025 fil-Mariott Hotel, San Ġiljan, mis-7:00pm ’il quddiem.
L-attività qed tiġi organizzata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Biċċerija Pubblika b’kollaborazzjoni mal-Mariott Hotel u mad-Delicata Wineries. Din l-edizzjoni ta’ Porkilicious tkompli tissaħħaħ bħala festa gastronomika li tippromwovi l-kwalità tal-majjal Malti.
Porkilicious twieldet minn inizjattiva konġunta bejn il-Biċċerija Pubblika u ċ-Chef Roderick Vella, magħruf għall-ħila u l-kreattività tiegħu fil-preparazzjoni tal-majjal. Matul is-snin, l-avveniment kompla jikber u sar pjattaforma li tgħaqqad l-edukazzjoni, il-kultura kulinari u l-innovazzjoni taħt saqaf wieħed.
Matul il-lejla, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jduqu firxa ta’ platti distinti li juru l-versatilità tal-majjal Malti, inklużi prodotti sekondarji li tradizzjonalment ftit jiġu apprezzati. L-ikel se jkun akkumpanjat minn għażla ta’ nbejjed lokali minn Delicata Wineries, filwaqt li l-ambjent tal-Mariott Hotel se joffri atmosfera perfetta għal esperjenza kulinara ta’ livell għoli.
L-enfasi ta’ Porkilicious tibqa’ waħda ċara: li nuru kif prodotti li spiss jiġu injorati jistgħu jinbidlu f’platti raffinati u ta’ valur, u kif l-approċċ sostenibbli fl-użu tal-ikel jista’ jnaqqas drastikament il-ħela fil-katina tal-produzzjoni.
Il-Ministru Anton Refalo qal, “Porkilicious mhuwiex biss avveniment gastronomiku, iżda messaġġ qawwi dwar ir-rispett li rridu nagħtu lir-riżorsi tagħna u lejn ix-xogħol ta’ dawk kollha li jaħdmu fis-settur tal-biedja u l-majjal. B’dan l-avveniment irridu nkomplu nuru l-kwalità tal-prodott Malti u fl-istess ħin nsaħħu l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel. Grazzi wkoll lill-partners kollha li jagħmlu din l-inizjattiva possibbli.”
Parti importanti minn dan l-avveniment hija l-iskop soċjali tiegħu. Il-qligħ kollu se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund. Din is-sena, barra d-dħul li se jinġabar mill-bejgħ tal-biljetti, se jsiru wkoll żewġ irkanti ta’ pitturi li saru apposta għal dan l-avveniment, bl-ammont kollu li jinġabar mill-bejgħ tagħhom imur ukoll għal dan l-għan nobbli.
It-tielet edizzjoni ta’ Porkilicious mistennija tattira nies li japprezzaw it-togħmiet tajbin tal-kċina Maltija, professjonisti tas-settur u familji li jixtiequ jgawdu esperjenza unika li tgħaqqad it-togħma, il-kultura u l-għan soċjali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN