STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
Id-Deputat Prim Ministru Borg iħeġġeġ lill-industrija tal-istabbilimenti tal-ikel biex tagħti prijorità lill-kollaborazzjoni, ir-relazzjonijiet mal-komunità u t-tisħiħ tal-ħiliet
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ħeġġeġ lill-industrija tal-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb biex tagħti prijorità lill-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba f'dan il-qasam, lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-komunità, l-iżvilupp tal-ħiliet u s-sostenibbiltà, għal futur aktar reżiljenti.
It-Tlieta waranofsinhar, Dr Borg fetaħ il-Konferenza Annwali tal-Association of Catering Establishments (ACE), il-Qawra, bit-tema “It-Triq 'il Quddiem".
“Id-dedikazzjoni ta' dawk li jaħdmu bla heda għal servizzi eċċellenti f'din l-industrija jistħoqqilha kull ġieħ u appoġġ. Għalhekk, sena wara sena, qed inkomplu nippremjaw lill-ħaddiema b'benefiċċji ġodda, filwaqt li nsaħħu l-istrutturi li jsostnu l-professjonalità u l-opportunità," hu spjega.
Filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jaħdem ma' ACE u msieħba oħrajn sabiex l-inizjattiva tal-iSkills Pass tkompli titjieb, id-Deputat Prim Ministru fakkar it-tħassib tiegħu dwar proposti li jistgħu, mingħajr intenzjoni, ikomplu jżidu l-pressjoni fuq l-isfidi tal-qasam tax-xogħol, bħad-diskussjonijiet dwar ġimgħa tax-xogħol ta' erbat ijiem. “Flimkien, nistgħu nkomplu nsaħħu l-ħiliet u l-produttività, noħolqu għażliet ta' karrieri aħjar, u niżguraw sostenibbiltà fit-tul. Madankollu, kif naqblu lkoll, kull azzjoni li tista' thedded il-livelli ta' servizz, il-vijabilità jew il-kompetittività, m'għandhiex imqar tiġi kkunsidrata."
Dr Borg sejjaħ għal iktar kollaborazzjoni fost l-imsieħba f'din l-industrija, sabiex flimkien jegħlbu l-isfidi quddiemhom, bħall-immaniġġjar tal-iskart. Semma l-proġetti pilota ta' appoġġ komunitarju mħabbra reċentement, flimkien mal-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta u s-Swieqi, bħala eżempju ċar ta' kif “is-soluzzjonijiet isiru aktar faċli meta naħdmu flimkien." Huwa faħħar lil dawn il-kunsilli lokali għar-rieda tagħhom li jikkollaboraw man-negozji lokali, inklużi l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb, biex jersqu lejn soluzzjonijiet aktar effettivi dwar il-ġbir tal-iskart fil-komunitajiet tagħhom.
B'referenza għall-inizjattiva kollaborattiva tas-sajf li għadda sabiex ingħata bidu għar-riabilitazzjoni fit-tul tal-Blue Lagoon, id-Deputat Prim Ministru nnota li hemm ħafna deċiżjonijiet kritiċi oħra li Malta trid tieħu mingħajr aktar dewmien. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministeru nieda konsultazzjoni ta' 30 jum fuq qafas ġdid dwar l-akkomodazzjonijiet turistiċi, b'miżuri kuraġġużi biex l-investimenti preżenti u futuri jevolvu skont il-ħtiġijiet tal-industrija, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-operaturi u l-komunitajiet lokali.
“Il-progress ekonomiku ta' pajjiżna jpoġġina f'qagħda unika biex nieħdu deċiżjonijiet importanti sabiex niżguraw il-benessere ta' pajjiżna għall-futur. Ilna ħafna żmien nitkellmu dwar dawn id-deċiżjonijiet – issa rridu naġixxu flimkien, inkella qed nirriskjaw li naqgħu lura," Dr Borg stqarr.
Fid-diskors tiegħu, spjega wkoll kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tippromwovi l-identità gastronomika unika tal-pajjiż f'numru ta' swieq turistiċi, billi qed tospita f'Malta u Għawdex organizzaturi ta' btajjel b'temi marbuta mal-ikel, li jattiraw turisti tal-ogħla livell mill-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Iskandinavja, fost inizjattivi oħra. L-Awtorità qed tippjana wkoll inizjattivi b'rabta mal-gastronomija Maltija li se jsiru fi New York, sabiex jikkumplimentaw il-bidu tat-titjiriet diretti lejn Malta mill-Istati Uniti, is-sena d-dieħla.
L-inizjattiva Quality Assured Seal tal-Awtorità wkoll qed tgħin biex ir-ristoranti u negozji oħra f'dan il-qasam jilħqu l-ogħla livelli ta' servizz u prodotti ta' kwalità. Bl-istess mod, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) qed ikompli jkollu rwol ewlieni sabiex irawwem il-ġenerazzjoni li jmiss ta' professjonisti, permezz tal-korsijiet li joffri, u s-sħubijiet internazzjonali tiegħu fl-Ewropa u f'pajjiżi oħrajn madwar id-dinja.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar lil ACE għat-tmexxija tagħha f'din l-industrija, u ħeġġeġ għall-iktar għaqda u ambizzjoni kontinwa. “L-għan tagħna hu ċar: li nagħmlu lil Malta mhux biss destinazzjoni li żżurha, iżda destinazzjoni li tgħożżha," hu temm jgħid.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN