STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: ŻiguŻajg, il-Festival ewlieni għat-tfal u ż-żgħażagħ, għal sena oħra jittella' wkoll fil-gżira Għawdxija
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar l-aħħar preparamenti tal-Festival tal-Arti ŻiguŻajg għat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jittella' wkoll f'Għawdex. Dan il-festival ta' kreattività, ispirazzjoni u tiġdid kulturali qed jiċċelebra l-15-il edizzjoni tiegħu. Matul dawn il-15-il sena, ŻiguŻajg sar pilastru essenzjali fil-kalendarju kulturali tal-familji Maltin u Għawdxin. Matul dawn is-snin ta' xogħol konsistenti taw il-frott, u llum qed niċċelebraw mhux biss dak li nkiseb, iżda wkoll dik il-vuċi artistika li t-tfal sabu matul dan il-vjaġġ straordinarju sabiex jesploraw id-dinja permezz tal-arti.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Dan il-festival jagħti l-opportunità lit-tfal tagħna sa minn età tenera jieħdu sehem u anki jaraw l-arti viżiva u anki oqsma tagħha mad-drama, iż-żfin, il-kant. Huwa festival li jkompli jinkoraġġixxi lit-tfal tagħna sabiex jimxu 'l quddiem u jesprimu ruħhom b'mod aħjar permezz tal-arti."
Il-festival ta' din is-sena, li qed jittella' bejn l-14 u t-23 ta' Novembru, f'Għawdex, fil-Belt Valletta u fil-Birgu, u jerġa' jagħti l-ħajja lit-toroq tagħna, il-pjazez u l-ispazji kulturali permezz ta' teatru, mużika, żfin, films, puppets u esperjenzi interattivi, produzzjonijiet kollha maħluqa apposta għat-tfal u l-familji.
Id-Direttur Artistiku tal-Festival Marta Vella sostniet li “ninsabu kburin ħafna li nippreżentaw l-aktar programm estensiv sal-lum il-ġurnata f'Għawdex, liema programm jwassal prestazzjonijiet tal-iskejjel, prestazzjonijiet għall-pubbliku ġenerali u attivitajiet fil-komunità, il-15-il edizzjoni ta' ŻiguŻajg żgur tinkludi xi ħaġa speċjali għal kulħadd."
Għawdex għandu preżenza b'saħħitha fil-festival bi programm imħejji apposta għat-tfal Għawdxin u joffri vjaġġi straordinarji għal kull età: mill-maġija ta' Chasing Rainbows għat-trabi u tfal sa sentejn, għal Anton u l-Għakruxu u produzzjonijiet oħra mmirati għal tfal ta' bejn it-8 u l-10 snin u li jinkludi workshops u produzzjonijiet bħall-Planet Much N' Staff.
II-Gvern jibqa' impenjat li jżomm il-wegħda li t-tfal tagħna jkollhom dejjem aċċess għall-aqwa arti. Il-kreattività tibqa' l-forza li tmexxi ġenerazzjonijiet sħaħ 'il quddiem.
ŻiguŻajg huwa maħluq mill-Fondazzjoni Kreattività, u huwa frott ta' kollaborazzjoni b'saħħitha bejn Spazju Kreattiv, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, id-Direttorat għall-Wirt Kulturali, ir-Reġjun ta' Għawdex, u s-sħubija ta' Benna, Malta Public Transport u Inkontru.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lil kull min kien involut biex jagħmel Żigużajg possibbli u ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi u jesperjenza dan il-festival ta' arti li qed jerġa' jikkonferma ruħu bħala l-festival ewlieni għat-tfal u ż-żgħażagħ fil-Gżejjer Maltin, spazju fejn il-familji jistgħu jgawdu produzzjonijiet ta' livell internazzjonali, maħduma professjonalment u apposta għalihom.
Wieħed jista' jara l-programm u jibbukkja l-biljetti fuq ziguzajg.org
Ritratti: MGP
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN