STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Inizjattiva favur il-vuċi tat-tfal fil-futbol
Bħala parti mill-inizjattiva bejn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u l-Malta Football Association, Stop the Hate, ġiet organizzata taħdita bejn il-Kunsill tal-plejers ta’ Fgura United FC u Jamie Carragher, eks plejer tal-Liverpool u tal-Ingilterra.
Din il-kampanja għandha l-għan li titqajjem iżjed kuxjenza kontra kull tip ta’ mibgħeda li jistgħu jesperjenzaw plejers, uffiċjali tal-logħba u anke dawk li jmorru jagħtu sapport.
Jamie Carragher tkellem favur din l-inizjattiva hekk kif bil-Fondazzjoni li waqqaf, Foundation 23, ukoll qiegħed jaħdem favur miżuri soċjali permezz tal-futbol. Tkellem favur il-fatt li dan il-klabb tal-futbol ta vuċi lit-tfal permezz ta’ dan il-Kunsill. Il-Kunsill huwa magħmul minn tlettax-il plejer ta’ bejn l-10 u 13-il sena u jagħmlu diversi inizjattivi soċjali, per eżempju dik li għal kull gowl li jiġu skurjat mill-ewwel tim, ta’ taħt il-15, is-17 u l-21 sena l-klabb jagħti donazzjoni ta’ €5 lill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati u Frame Football Malta.
Fit-taħdita, it-tfal qasmu l-ideat tagħhom ma’ dan il-plejer li tkellem favur miżuri bħal dawn u l-kampanja stop the hate. Dejjem bl-għan li l-logħba tal-futbol isservi bħala sors ta’ għaqda. It-tfal kellhom ukoll iċ-ċans biex jistaqsu mistoqsijiet dwar diversi temi.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri spjega li, “Permezz ta’ din l-inizjattiva provdejna wkoll esperjenza unika lil dawn it-tfal li kellhom iċ-ċans jistaqsu u jifhmu r-realtajiet ta' eks-plejer professjonali ta' suċċess dwar l-impenn li hemm bżonn anke biex jirnexxu mhux biss fil-karriera sportiva tagħhom iżda wkoll fil-ħajja.”
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo, flimkien maż-żewġ Viċi Presidenti Matthew Paris u Trustin Farrugia Cann. Il-President tal-MFA tkellem kif il-bażi komuni f’dan kollu hija l-imħabba għall-futbol u li inizjattivi bħal dawn ikomplu jsaħħu l-għaqda li l-ispirtu sportiv iġib miegħu. Sostna l-impenn tal-Assoċjazzjoni li tkompli taħdem viċin il-klabbs tal-futbol li jħaddmu inizjattivi bħal dawn. Filwaqt li tkellem favur id-dedikazzjoni tal-plejers li twassalhom għal karriera sportiva ta’ suċċess, saħaq ukoll dwar l-importanza tal-opportunitajiet biex it-tfal ikomplu jikbru f’ambjent san sabiex l-iżvilupp ikun wieħed ħolistiku u pożittiv.
Il-President tal-Fgura United FC Larkin Bonnici qal “li ż-żjara tal-lum timmarka l-qofol tal-impenn soċjali fit-tul tagħna permezz tal-futbol. Kien mument emozzjonanti naraw lil Jamie jisma’ b’tant attenzjoni il-proposti tal-Kunsill tal-Plejers tagħna, li l-irwol tiegħu hu li jservi bħala sors t'ideat għal inizjattivi soċjali li jsaħħu l-komunitajiet tagħna. Nistennew bil-ħerqa l-possibbiltà ta’ aktar kollaborazzjoni mal-fondazzjoni ta’ Jamie, hekk kif naqsmu l-istess prinċipji.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN