STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2025
• Ċelebrazzjoni tal-bżulija u r-reżiljenza tal-ħaddiem Malti
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali organizza l-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2025, serata li ċċelebrat l-ispirtu, id-dedikazzjoni u l-kontribut tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’diversi setturi tal-ekonomija.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul enfasizza li l-Premju Ħaddiema tas-Sena hu aktar minn ċerimonja ta’ rikonoxximent, u qal li dan huwa mument fejn nirriflettu fuq il-valuri li jiddefinixxu d-dinja tax-xogħol tagħna, il-bżulija, l-umanità u l-passjoni lejn dak li nagħmlu ta’ kuljum.
Hu rrimarka wkoll li minkejja d-differenzi fid-daqs u l-kapacità tal-intrapriżi f’pajjiżna, kull ħaddiem jagħmel differenza. “Aħna pajjiż żgħir imma b’talent kbir. Kull kisba li nagħmlu bħala pajjiż, tinbena fuq l-impenn tal-ħaddiema tagħna”, sostna Dr Ellul.
Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena jippremja l-eċċellenza f’għaxar kategoriji li jinkludu fost l-oħrajn il-Maniġer tas-Sena, il-Kap tas-Sena, it-Tim tas-Sena, l-Aqwa Imprenditur, l-Aktar Organizzazzjoni Inklussiva, l-aktar Żgħażugħ Aspiranti, il-Kumpanija bl-aktar Responsabilità Soċjali, l-aktar kumpanija li tippromwovi l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol, l-aqwa intraprenditur, il-Ħaddiem tas-Sena, u l-Premju ta’ Lifetime Achievement.
Din is-sena tnieda premju ġdid bħala rikonoxximent speċjali li ntrebaħ minn Marsaskala FC Youth Nursery, grazzi għat-twaqqif ta’ sezzjoni ġdida fejn tfal bid-down syndrome qed jingħataw iċ-ċans li jipparteċipaw fl-isport.
Din is-sena, kien hemm ukoll rekord ta’ aktar minn 150 nominazzjoni li ġew sottomessi.
Dr Ellul rringrazzja lill-bord tal-għażla u lill-imsieħba soċjali tal-kollaborazzjoni kontinwa tagħhom, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li l-Gvern ikompli jsaħħaħ id-djalogu soċjali. “Meta l-ħaddiem, min iħaddem u l-Gvern jiddjalogaw flimkien, il-pajjiż kollu jibbenefika”, qal is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari żied jispjega li l-Gvern qed imexxi diskussjoni nazzjonali dwar ir-‘Right to Disconnect’, miżura mmirata li tgħin lill-ħaddiema jgawdu aktar ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom. Dr Ellul qal li l-produttività għandha timxi id f’id mal-kwalità tal-ħajja, għax il-ħaddiem hu, u jibqa’, iċ-ċentru tal-progres ekonomiku u soċjali ta’ Malta.
Għal dan il-Premju Nazzjonali attendiet ukoll l-Aġent President tar-Repubblika ta’ Malta, Helena Dalli, li f’diskors tal-okkażjoni spjegat kif Malta bħala pajjiż qed jirrikonoxxi d-drittijiet tal-ħaddiema u kif bl-introduzzjoni ta’ bosta tipi ta’ leaves ġodda, pajjiżna qed iservi ta’ eżempju fuq livell globali f’dik li hi ġustizzja industrijali.
Fis-serata tas-Sibt filgħaxija, is-Sur Silvio Cassar rebaħ l-unur tal-Maniġer tas-Sena, is-Sur Alfred Grixti rebaħ l-unur tal-Kap tas-Sena, il-FITA rebħu l-unur tat-Tim tas-Sena, il-Bank of Valletta rebħu l-unur tal-Iktar Organizzazzjoni Inklussiva, is-Sur Fabio Muscat rebaħ l-unur tal-Aktar Żgħażugħ Ispiranti, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal rebaħ l-unur tal-Iktar Organizzazzjoni li Tippromwovi l-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, l-Eden Leisure Group rebħu l-unur tal-Kumpanija bl-aktar Responsabilità Soċjali, filwaqt li Alistair Ciantar minn iAutomate rebaħ l-unur tal-Aqwa Intraprenditur.
Is-Sinjura Anna Calleja ġiet premjata bħala l-Ħaddiema tas-Sena 2025, grazzi għall-ħidma tagħha fl-isport ma’ persuni b’diżabilità. Il-Professur Yves Muscat Baron ingħata l-Premju ta’ Lifetime Achievement Award, għall-kontribut kbir tiegħu fis-settur tas-saħħa.
Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena hu inizjattiva annwali tas-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u huwa premju li jħaddan il-valuri ta’ rispett, dedikazzjoni u solidarjetà fuq il-post tax-xogħol, u li tkompli ssaħħaħ il-viżjoni ta’ pajjiż li jħaddan il-ġustizzja soċjali u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN