STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
The Innovation Exchange 2025: Malta tkompli tikkonsolida r-rwol tagħha fl-innovazzjoni Ewropea u tintgħażel mill-European Institute of Innovation and Technology biex tospita l-programm pilota prestiġjuż, l-EIT Regional Innovation Booster, fl-2026
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, attenda u indirizza ‘The Innovation Exchange 2025’, avveniment nazzjonali li laqqa’ flimkien innovaturi, intraprendituri, akkademiċi u rappreżentanti minn diversi Stati Membri biex jiddiskutu kif Malta u l-Ewropa jistgħu jaċċelleraw it-tkabbir intelliġenti permezz tal-innovazzjoni.
L-avveniment serva bħala pjattaforma strategika biex jiġu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet fil-pajsaġġ tal-innovazzjoni f’Malta, filwaqt li ffoka fuq kif il-pajjiż jista’ jkompli jinbena bħala hub għall-investiment, għat-talent u għall-ideat li jistgħu jimmaturaw fuq livell internazzjonali.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq id-direzzjoni ċara tal-Gvern: li jpoġġi l-innovazzjoni fil-qalba tal-ekonomija ta’ Malta u jsaħħaħ il-kompetittività tagħha fil-kuntest ta’ Malta Vision 2050. “Fil-Viżjoni 2050, l-innovazzjoni mhijiex biss opportunità, iżda kundizzjoni essenzjali biex nibnu ekonomija b’saħħitha, sostenibbli u reżiljenti. Mhux qed nistennew l-2050 biex nagħmlu dan—qegħdin nimxu b’pass mgħaġġel illum.”
Qabel l-avveniment, saru tliet workshops nazzjonali biex jinġabru perspettivi diretti minn start-ups, akkademiċi u organizzazzjonijiet ta’ appoġġ. Ir-riżultati kienu ċari: biżżejjed kreattività u enerġija jeżistu, iżda l-komunità tal-innovazzjoni spiss tiffaċċja ostakli bħal proċeduri twal ta’ għotjiet, skemi frammentati u kultura ta’ riskju baxx. Is-Segretarjat ħabbar li diġà qed isiru riformi biex: jitnaqqsu l-proċeduri burokratiċi, jitħaffu ż-żminijiet ta’ approvazzjoni, titjieb il-komunikazzjoni mal-applikanti, u jiġi introdott qafas aktar tolleranti għar-riskju.
Dawn il-miżuri huma parti minn bidla kulturali usa’ lejn aktar fiduċja, aktar esperimentazzjoni u aktar setgħa lill-innovaturi.
Matul l-avveniment is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll aħbar importanti fejn Malta ġiet magħżula bħala waħda minn erba’ pajjiżi fl-Ewropa biex tospita il-pilot programme il-ġdid tal-EIT, ir-Regional Innovation Booster, fl-2026, kożviluppat ma’ Xjenza Malta.
Dan il-programm se jaqdi r-rakkomandazzjonijiet li ilhom isiru minn snin dwar il-frammentazzjoni tal-iskemi; jikkonsolida l-finanzjament pubbliku u privat taħt pjattaforma waħda; joħloq triq ċara u unifikata għall-innovaturi lokali, u jippermetti lill-istart-ups u scale-ups Maltin jiksbu aċċess għal investiment Ewropew, swieq ġodda u networks internazzjonali.
Il-ftehim formali biex jitnieda l-programm se jiġi ffirmat fit-25 ta’ Novembru f’Budapest, fil-preżenza tal-mexxejja tal-EIT u ta’ Xjenza Malta.
L-iskambju ta’ ideat u kollaborazzjonijiet li sar f’The Innovation Exchange 2025 afferma mill-ġdid li l-innovazzjoni ma tinbeniex waħedha, iżda tinbena b’sħubiji, b’djalogu u b’viżjoni kondiviża. Malta tkompli tpoġġi ruħha mhux biss bħala parteċipant fil-vjaġġ Ewropew tal-innovazzjoni, iżda bħala sieħeb li jifforma l-futur tagħha.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN