STQARRIJA MIS SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL ANZJANITÀ ATTIVA Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Budget b’allokazzjoni ta’ aktar minn €154 miljun għal San Vinċenz de Paul
Hekk kif tħabbar fil-Budget 2026, għas-sena li ġejja l-Gvern qed jalloka aktar minn €154 miljun lill-kumpless ta' San Vinċenz de Paul, somma rekord li tfisser kważi 46% tal-budget totali għall-Anzjanità Attiva, li issa jlaħħaq iktar minn €337 miljun. Din tirrappreżenta żieda ta' aktar minn €18-il miljun meta mqabbla mal-2025, u turi l-impenn dejjiemi biex tissaħħaħ il-kura ġerjatrika f'pajjiżna.
F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea qal, “Din iż-żieda hija sinjal ċar tal-viżjoni tagħna li mhux biss noffru kura, iżda li nibnu sistema kompleta li taħdem għal kull stadju tal-ħajja ta' persuna anzjana. Minn servizzi paljattivi għal kliniċi speċjalizzati u kura intermedjarja, irridu nkunu preżenti b'risposta għal kull bżonn."
Fost l-investimenti l-aktar riċenti ssemma r-rinnovar totali tas-Swali St Francis 1 u 2, il-ftuħ ta' sala ġdida għall-kura paljattiva, l-installazzjoni ta' CT scanner ġdid, u l-bidu ta' proġett għal MRI scanner u servizz tad-dijalisi. Infetaħ ukoll l-ewwel razzett terapewtiku, “Razzett l-Hena", flimkien ma' żoni rikreattivi bħal mini golf u pitch tal-boċċi.
Tħabbar ukoll li għas-sena d-dieħla se jiġi ppublikat tender għall-bini ta' sptar ġdid b'300 sodda ġewwa San Vinċenz de Paul; investiment li se jġib rivoluzzjoni fil-kura tal-anzjani f'Malta. Il-Budget għas-sena d-dieħla mhux biss qed jirrispondi għall-isfidi tal-lum, iżda qed jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna b'mod sostenibbli, bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050, pajjiż fejn l-anzjanità tfisser attiviżmu, għarfien u għożża, kemm fid-dar, fil-komunità kif ukoll f'kura fit-tul.
Jorgen Souness, Kap Eżekuttiv ta' San Vinċenz de Paul, irrimarka, “Dan l-investiment mhux biss ifisser titjib fl-infrastruttura, imma jirrifletti r-rispett li għandna lejn kull resident, li l-ħajja tagħhom għandha tkompli tkun attiva, sigura u b'kura li tixraq."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN