STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Budget 2026 – L-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali se tiżdied b’€2 miljun
Fil-Budget 2026, l-allokazzjoni ta' fondi għall-Kunsilli Lokali, żdiedet b'€2 miljun. Apparti minn hekk, ingħataw allokazzjonijiet addizzjonali dawk il-Kunsilli Lokali li l-lokalitajiet tagħhom huma popolari mat-turisti. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli fejn sostniet li dawn iż-żidiet fl-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali għas-sena d-dieħla juru kemm il-Gvern huwa kommess li jibqa' joħroġ skemi b'fondi addizzjonali bħas-snin ta' qabel.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet dan waqt żjara li għamlet fi Ġnien is-Serenità, jew kif inhu aktar magħruf bħala l-Ġnien taċ-Ċiniżi, fejn għadhom kemm ġew installati kameras ta' sigurtà permezz ta' skema għal lokalitajiet aktar b'saħħithom u siguri maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Dwar iż-żieda fl-allokazzjonijiet ta' fondi, fil-Budget 2026, hija qalet li l-Kunsilli Lokali u Reġjonali jagħtu kontribut dirett fil-ħajja tar-residenti kollha madwar Malta u Għawdex, u għalhekk il-Gvern se jkompli jinvesti biex jiffinanzja l-attivitajiet li huma responsabbli għalihom il-Kunsilli.
“Matul is-sena d-dieħla ser inkomplu ninvestu fil-kultura u fit-talenti lokali filwaqt li se nkomplu nsaħħu dawk l-iskemi marbuta ma' proġetti infrastrutturali u kif ukoll dwar l-indafa pubblika fil-lokalitajiet tagħna. Apparti dawn hemm diversi proġetti oħra b'kollaborazzjoni ma' Ministeri u entitajiet oħrajn. Fosthom, bl-għajnuna tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Kunsilli se jerġgħu jibbenefikaw minn bosta proġetti permezz ta' ftehim ġdid. Dawn il-proġetti se jkunu qed ivarjaw minn spazji miftuħa, rinnovar ta' żoni pedonali, bankini u toroq. Apparti dan, il-Kunsilli qed jirċievu fondi oħra u sapport f'proġetti kbar ta' tisbiħ b'kollaborazzjoni ma' Project Green, mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, mal-Cleansing and Maintenance, Vjal Kulħadd u oħrajn," sostniet is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli temmet tgħid li matul is-sena d-dieħla dan ix-xogħol se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Fost din il-ħidma se jkun hemm ukoll it-twettiq tal-implimentazzjoni tal-Viżjoni Strateġika Nazzjonali għall-Gvern Lokali, li tħeġġeġ għal governanza aktar intelliġenti, parteċipazzjoni komunitarja u deċentralizzazzjoni.
Id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali Emile Vassallo, irrimarka fuq il-ħidma li qed titwettaq fuq il-pjan għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi li r-residenti jieħdu mill-kunsilli, biex b'hekk ikunu jistgħu jinqdew b'aktar effiċjenza u kumdità mid-djar tagħhom stess. Is-Sur Vassallo qal li sar ukoll impenn fuq it-taħriġ fejn numru ta' impjegati fil-kunsilli, kunsilliera u sindki applikaw biex jirċievu taħriġ dwar il-ħidma tagħhom barra minn Malta fix-xhur li ġejjin. “Dan ser iservi biex dawk kollha involuti f'dan il-qasam ikollhom opportunità li jiksbu aktar ħiliet u esperjenza mill-aqwa biex itejbu l-ħiliet tagħhom," temm jgħid id-Direttur Ġenerali.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, kien hemm ukoll is-Sindku ta' Santa Luċija, Charmaine St. John, li nnutat kif l-għajnuna fejjieda permezz ta' skemi maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali huma importanti għall-iżvilupp tal-lokalitajiet. Irrimarkat kif propju fi Ġnien is-Serenità għadhom kif saru kameras ta' sigurtà li huwa wieħed mill-proġetti li qed isiru permezz ta' dawn il-fondi addizzjonali. Kompliet tgħid li permezz ta' skemi differenti fl-istess post saret ukoll sala għall-komunità li tintuża għal diversi attivitajiet għar-residenti u dawk kollha li jattendu. “Permezz ta' dawn il-fondi addizzjonali u inizjattivi oħra, il-Kunsill Lokali qed ikunu jistgħu jagħmlu attivitajiet, proġetti u manutenzjoni fil-lokalitajiet tagħhom," temmet tgħid is-Sindku.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN