STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Imnedija fażi oħra favur aktar drittijiet u ġustizzja aktar aċċessibbli għat-tfal
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, komplew isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex joħolqu aktar għarfien għal dawk li huma d-drittijiet tat-tfal, speċjalment meta jinkludu proċessi ġudizzjarji.
Dan hekk kif ġiet imnedija it-tieni fażi ta' dan it-toolkit innovattiv għall-edukaturi, magħmul minn erba' filmati u żewġ pjanijiet ta' lezzjoni lejn ġustizzja aktar aċċessibbli għat-tfal.
Dawn ir-riżorsi huma mfassla biex jippromwovu attivitajiet u diskussjonijiet interattivi mat-tfal dwar is-sistema ġudizzjarja f'diversi ċirkostanzi, kemm bħala vittmi, xiehda, jew anki meta akkużati b'reat.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li dan it-toolkit, jistabbilixxi lijekk inti vittma, xhud, akkużat jew tressaq ilment, għandek id-dritt li titkellem ma' avukat, li jgħinek, jipproteġik, jiddefendik u jispjegalek x'inhuma id-drittijiet tiegħek.
''It-tfal għandhom id-dritt ukoll li jitkellmu mal-avukat tagħhom fil-privat. Aktar minn hekk, meta minorenni jiġi mitkellem mill-Pulizija, jista' jitlob avukat b'xejn biex jiggwidah," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard iddeskriva dan il-proġett bħala dikjarazzjoni ta' impenn ċar li l-ġustizzja għat-tfal f'Malta trid tkun ġustizzja li tisma', tifhem u tipproteġi. It-tfal m'għadhomx sempliċiment parti mill-proċess iżda għandhom ikunu fiċ-ċentru tiegħu.
Huwa tkellem dwar l-ewwel fażi tar-riforma fil-Qorti tal-Familja li hija pass kuraġġuż lejn sistema aktar umana u effettiva, fejn kull tifel u tifla jkollhom vuċi sigura u rispettata. Il-protezzjoni kontra ritaljazzjoni, l-appoġġ legali u l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal huma drittijiet importanti favur ġustizzja aktar effettiva.
“Ġustizzja xierqa għat-tfal mhix kliem sabiħ għal fuq karta, imma realtà li se nkomplu nibnu b'determinazzjoni u azzjoni konkreta," sostna l-Ministru Attard.
B'dan il-mod, t-tfal ma jkunux biss infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, iżda jħossuhom iktar sikuri u jingħataw widen f'kull stadju tal-proċess legali.
Sfortunatament, hemm ċirkostanzi fejn it-tfal jistgħu jkunu vittmi, xhieda jew akkużati b'reat. Għaldaqstant, dan il-kontenut għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni biex jgħinek tifhem id-drittijiet tiegħek. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tgħid li għandek id-dritt li tingħata l-għajnuna li teħtieġ u li tiġi ttrattat b'mod tajjeb.
Dwar dan tkellmet aktar fid-dettall, il-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, fejn saħqet li din il-ħidma kollettiva turi li meta npoġġu l-interessi tat-tfal fiċ-ċentru, il-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti tħalli impatt reali u pożittiv fuq il-ħajja tagħhom.
Min-naħa tagħha Dr Juliana Scerri Ferrante, Membru tal- Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal Focal Point għar-Reġjun Ewropew, faħħret l-isforzi kollaborattivi kollha li qed isiru biex tiġi implimentata aktar il-gwida pprovduta mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, speċjalment il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-Prinċipju Ġenerali 27 li qed jiġi abbozzat bħalissa mill-istess kumitat tan-NU.
Id-Direttur tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Bruno Zahra stqarr, “Dan il-proġett huwa wkoll sejħa għal azzjoni. Sejħa biex kull min jaħdem fis-settur legali, edukattiv, soċjali u politiku jara kif jista' jtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għat-tfal. Sejħa biex nisimgħu aktar lit-tfal, mhux biss meta jkun hemm problema, imma wkoll meta jkollhom ideat, soluzzjonijiet u ħsibijiet dwar kif tista' tkun sistema ġudizzjarja aktar ġusta."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN