STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Konferenza Internazzjonali dwar l-Industrija tal-Futur u l-Manifattura Intelliġenti f’Malta
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, indirizza l-ftuħ tal-Konferenza Internazzjonali dwar l-Industrija tal-Futur u l-Manifattura Intelliġenti (ISM 2025), li qed tittella' bejn it-12 u l-14 ta' Novembru fil-Kampus tal-Università ta' Malta fil-Belt Valletta. Din hija s-seba' edizzjoni tal-konferenza internazzjonali li qed tilqa' aktar minn 400 akkademiku, riċerkatur u espert minn madwar id-dinja, kollha impenjati li jiddiskutu kif ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jmexxu l-industrija lejn futur aktar intelliġenti, diġitali u sostenibbli.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq li minkejja li ħafna ma jassoċjawx lil Malta direttament mal-manifattura, dan is-settur huwa pilastru vitali tal-ekonomija nazzjonali, imsaħħaħ minn taħlita robusta ta' kumpaniji fis-setturi tas-semikondutturi, l-awtomotivi, il-bijomedika u l-farmaċewtika. “Dak li jiddistingwi lil Malta huwa l-eċċellenza inġineristika u l-ħiliet għolja tal-ħaddiema tagħna, flimkien ma' impenn soda lejn standards ta' kwalità u innovazzjoni," tenna s-segretarju parlamentari.
Hu żied jgħid li l-Gvern jibqa' impenjat b'mod qawwi lejn il-futur ta' dan is-settur permezz ta' investiment kontinwu fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni, u li dan l-impenn jinsab ukoll fi ħdan il-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħaddan il-prinċipji taċ-ċirkolarità, id-diġitalizzazzjoni u l-ħarsien ambjentali.
Il-programm tal-ISM 2025 jinkludi aktar minn 100 sessjoni tematika fuq suġġetti bħall-Intelliġenza Artifiċjali, id-Digital Product Passport bħala għodda ewlenija għall-ekonomija ċirkolari, u l-Manifattura tal-Futur b'soluzzjonijiet ibbażati fuq id-data u l-awtomazzjoni.
Matul is-sessjonijiet plenarji indirizzaw il-konferenza professuri distinti u mexxejja globali bħal Prof. Rodolfo Haber Guerra (Centro de Automatica y Robotica, Spanja) b'diskors dwar Industry 5.0: Research Challenges and Opportunities, u Prof. Maurizio Faccio (University of Padua, Italja) dwar Human-Centric Design Paradigms from Logistics to Workstation. Parteċipanti ewlenin oħra jinkludu Prof. Torbjørn Netland (ETH Zurich, Svizzera), Dr Alberto Acuto (NTT Data, Italja) u Dr Laurent Filipozzi (STMicroelectronics, Malta), li ħadu sehem f'panels tematiċi dwar l-ekosistema Ewropea tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-konferenza qed titmexxa mill-Università ta' Malta f'kollaborazzjoni ma' diversi istituzzjonijiet Ewropej bħall-Università ta' Kalabrija, l-EIT Manufacturing South u l-Aġenzija għall-Promozzjoni tar-Riċerka Ewropea, filwaqt li toffri wkoll spazju għar-riċerkaturi żgħażagħ permezz tal-International Doctoral Workshop u laqgħat B2B għall-iskambju ta' ideat bejn l-industrija u l-akkademja.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN