Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI

pr251991
Date Icon 10/11/2025

Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Estensjoni tal-iskema Business Enhance biex aktar negozji Maltin ikomplu jsaħħu l-kompetittività tagħhom

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar l-estensjoni tal-iskema Business Enhance, b’€10 miljun ta’ fondi Ewropej disponibbli għal proġetti li jtejbu l-kompetittività tan-negozji żgħar u medji, b’investimenti fit-teknoloġija, l-innovazzjoni u produttività sostenibbli.

Din l-aħbar tħabbret waqt żjara li saret fil-fabbrika Kingstone Ltd, intrapriża li bbenefikat minn din l-iskema biex tinvesti f’tagħmir teknoloġiku avvanzat fil-qasam tal-ipproċessar tal-ġebel u ċ-ċeramika.

Il-ministru faħħar il-kontribut tal-fondi Ewropej fil-bini ta’ ekonomija moderna u kompetittiva, u qal li l-Gvern se jkompli jappoġġja lin-negozji żgħar u medji biex ikunu aktar reżiljenti u diġitali.

“Il-fondi Ewropej qed jagħtu spinta diretta lin-negozji żgħar biex jinnovaw u jikbru. Permezz tal-iskema Business Enhance u l-programmi l-oħra taħt l-ERDF, diġà impenjajna aktar minn €28 miljun f’aktar minn 440 ftehim ta’ għotja, u preżentament hemm seba’ skemi miftuħa, b’€10 miljun speċifikament dedikati għall-proġetti li jżidu l-kompetittività tan-negozji. Dawn huma fondi li qed jittraduċu ruħhom f’aktar xogħol, aktar produttività u aktar kompetittività għall-ekonomija Maltija,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Il-ministru żied jgħid li din l-inizjattiva tmur id f’id mal-miżuri tal-Budget 2026, li jinkludu investiment bla preċedent ta’ €100 miljun fid-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda bħal Intelliġenza Artifiċjali (AI), Internet of Things (IoT) u cybersecurity, appoġġjati wkoll minn fondi Ewropej u skemi oħra taħt aġenziji tal-Gvern.

“Il-Budget 2026 juri viżjoni ċara – ekonomija li tħares lejn il-futur, ibbażata fuq l-innovazzjoni u l-ħiliet diġitali. Il-fondi Ewropej se jkunu strumentali biex din il-viżjoni ssir realtà,” tenna l-Ministru.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rringrazzja lil Kingstone Ltd għall-impenn tagħha biex tibqa’ investitur kompetittiv, filwaqt li ħeġġeġ aktar negozji jersqu ’l quddiem u japplikaw għal dawn l-iskemi ta’ għajnuna.

Permezz tal-fondi Ewropej, Kingstone Ltd irċeviet €56,175 f’għajnuna taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 60% mill-Unjoni Ewropea u 40% f’fondi nazzjonali.

L-iskema Business Enhance ġiet estiża sa Ġunju 2026 u hija kofinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta 2021–2027, taħt il-prijorità “Ewropa aktar kompetittiva u intelliġenti”.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow