STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U L-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Ekonomija b'Saħħitha – Futur għal Uliedna: Budget 2026 b'investiment b'saħħtu fl-ambjent, fl-edukazzjoni u fit-tfal tagħna
Investiment ta' €10 miljun f'35 skola għal proġetti ta' spazji ambjentali
Il-Gvern kompla jinvesti fil-futur ta' uliedna hekk kif 35 skola primarja u sekondarja madwar Malta u Għawdex se jibdew proġetti ġodda biex jinħolqu aktar spazji ħodor, ġonna edukattivi u żoni ta' rikreazzjoni sostenibbli fl-iskejjel tagħhom. Din hija l-ewwel fażi tal-proposti magħżula permezz tal-Green School Initiative, immexxija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika permezz ta' Project Green.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ippremjaw lill-iskejjel parteċipanti li ħarġu b'idejat innovattivi waqt attività li saret fil-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop.
Permezz ta' din l-inizjattiva, l-iskejjel ipproponew varjetà ta' proġetti li jvarjaw minn ġonna għall-pollinaturi u l-bijodiversità, kitchen gardens, sa żoni kwieti u żoni aċċessibbli għal kulħadd. L-għan ta' din l-inizjattiva huwa biex l-istudenti jkollhom ambjent isbaħ fl-iskola.
“Din l-inizjattiva twieldet minn dak li l-istudenti stess kienu qed jitolbu: skejjel li jressqu n-natura eqreb lejn l-istudenti. Illum qed naraw l-istudenti, l-edukaturi u l-komunitajiet jaħdmu flimkien biex jinħolqu spazji ħodor li mhux biss isebbħu l-iskola, imma joffru tagħlim fil-miftuħ. Il-proġetti magħżula juru kemm huma importanti l-kreattività, l-inklużjoni u l-għarfien ambjentali fil-formazzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Clifton Grima feraħ lill-istudenti u amministrazzjoni tal-iskejjel li pproponew dawn il-proġetti. “Fl-iskejjel kollha qed naraw li l-ambjent ikun prijorità, għaliex dan huwa parti minn dak li qed nagħmlu għall-benesseri tal-istudenti u l-edukaturi. Il-ħidma tagħna fis-settur edukattiv hija wkoll dik li naraw li l-istudenti tagħna jkollhom dak kollu possibbli biex ngħinuhom fil-perkors edukattiv tagħhom. Għalhekk ħabbarna diversi miżuri fil-budget għas-sena d-dieħla, inkluż għajnuna finanzjarja permezz ta' żieda fl-istipendji, għajnuna lil dawk li jkomplu jistudjaw u wkoll għadd ta'miżuri oħrajn", qal il-Ministru Grima.
“Bħala Aġenzija naħdmu ma diversi tfal u żgħażagħ fil-proġetti tagħna, għaliex nemmnu li s-sehem tagħhom huwa importanti daqs kull stakeholder ieħor. Propju għalhekk, inizjattivi bħal dawn huma importanti fejn l-istudenti jipparteċipaw b'mod attiv ta' x'jixtiequ jaraw fl-iskejjel biex imbagħad ikunu jistgħu jgawdu minnhom u jagħmlu l-ħajja edukattiva tagħhom aħjar," qalet il-COO ta' Project Green, Perit Beverley Costa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN