STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Jitnieda l-proċess tal-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050 bl-ewwel avveniment jiddiskuti l-Ippjanar għall-Futur
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri fetaħ il-konferenza bit-titolu: Ippjanar għall-Futur: Sfidi u Opportunitajiet. Dan huwa l-ewwel avveniment li laqqa' diversi entitajiet flimkien, taħt saqaf wieħed u li permezz tiegħu ingħatat ħarsa lejn pjanijiet infrastrutturali diversi ta' entitajiet differenti f'pajjiżna, li kollha jirrikjedu l-użu tal-art u l-baħar.
Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza l-importanza li pajjiżna jippjana b'viżjoni fit-tul għall-futur, sabiex ikun jista' jwieġeb b'mod effettiv għall-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali. “Dan qegħdin nagħmluh sabiex jekk nixtiequ jew qed naraw fil-futur li l-ivvjaġġar bil-baħar jingħata prijorità rridu naraw li l-portijiet tagħna, b'mod partikolari l-Port tal-Imġarr ikun attrezzat biex jilqa' aktar influss. Għaldaqstant, irridu nħarsu 'l quddiem, nippjanaw sabiex imbagħad inkunu nistgħu nwettqu."
Il-Ministru Clint Camilleri sostna li l-Viżjoni Malta 2050 tirrifletti l-identità u r-rwol globali ta' Malta għaliex tħares lejn pajjiż li jgħaqqad il-wirt mal-innovazzjoni, it-tradizzjoni mat-trasformazzjoni, u li jattira investituri, studenti u turisti ta' kwalità, filwaqt li jtejjeb il-ħajja taċ-ċittadini. Huwa temm jgħid li din hija opportunità mhux biss biex nippjanaw għall-futur, imma biex nifformawh.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti għal Viżjoni għal Malta 2050, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ronald Mizzi irrimarka li dan huwa l-ewwel avveniment parti mill-proċess tal-implimentazzjoni tal-Viżjoni. “Wara li smajna u kellna proċess ta' konsultazzjoni wiesa', issa se nkunu qed ngħaddu għall-implimentazzjoni u għalhekk qed inġibu l-entitajiet fuq l-istess mejda flimkien. Dan il-proċess jagħti l-viżibilità neċessarja biex b'mod olistiku u anke b'sistemi diġitali ngħaqqdu x-xogħol ta' kull entità f'katina waħda".
Waqt panel discussion, Transport Malta, il-GRDA, l-Awtorità għall-Azzjoni Klimatika, u l-ERA, spjegaw kif il-proġetti li għandhom ippjanati, iqisu bir-reqqa iktar koordinazzjoni bejn l-entitajiet, anke dawk taħt ministeri differenti u ukoll jadattaw miżuri li bihom inkunu nistgħu nadattaw għal-effetti tal-klima, u dawk ambjentali.
Il-konferenza esplorat temi diversi permezz ta' preżentazzjonijiet minn entitajiet u kumpaniji privati, fosthom il-bilanċ ekonomiku u soċjali minn E-Cubed, proġetti ta' suċċess mil-lenti ta' perizia permezz ta' Studjurban, sistemi diġitali fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar u l-MITA li bihom ikun qed jissaħħaħ il-koordinament bejn l entitajiet, u metodi li qed jadattaw il-GHRC u Project Green sabiex ikunu qed jinkludu l-pubbliku u l-partijiet kollha li se jkunu qed jagħmlu użu mill-proġetti u l-ġonna tagħhom. Infrastructure Malta, Enemalta u l-WSC spjegaw kif huma qed iwettqu l-koordinament fil-prattika, b'mod iktar effettiv anke mal-pubbliku inġenerali, bi proġetti li jħallu effett fil-ħajja ta' kuljum għan-nies.
Hekk kif il-finanzjament hu wieħed mill-enablers li se jkun qed iwassal din il-Viżjoni għat-tragwardi u l-KPIs tagħha, is-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej u l-Implementazzjoni tal-Manifest Jonathan Vassallo ta preżentazzjoni dwar kif fondi Ewropej jistgħu jintużaw aktar skont il-prijoritajiet tal-Viżjoni Malta 2050.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN