Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tnedija tal-iskemi BOOST, INVEST u Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda

PR251969
Date Icon 06/11/2025

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, nieda tliet programmi ta' finanzjament ewlenin għall-2026: BOOST, INVEST u Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda – immirati biex isaħħu l-għaqdiet u l-movimenti taż-żgħażagħ madwar Malta u Għawdex. Dawn l-iskemi, imħaddma minn Aġenzija Żgħażagħ, huma pilastri ċentrali ta' appoġġ lejn is-settur volontarju taż-żgħażagħ u jirriflettu l-impenn tal-Gvern biex jibni soċjetà parteċipattiva, inklużiva u b'saħħitha.

Il-Gvern f'dawn l-iskemi qed jinvesti €868,000: €400,000 għall-iskema BOOST, €90,000 għall-programm ta' taħriġ mużikali, u €126,000 fis-sena għal tliet snin (total ta' €378,000) għall-programm INVEST. Dawn l-iskemi mhux biss joffru fondi, imma jsaħħu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet biex jespandu l-attivitajiet tagħhom, joħolqu toroq ġodda ta' parteċipazzjoni u jinkoraġġixxu żgħażagħ biex juru l-potenzjal tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza li dawn l-iskemi jirriflettu l-viżjoni li tqiegħed liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-politika pubblika. “Meta ninvestu f'dawn il-programmi, inkunu qed ninvestu fil-futur ta' pajjiżna. L-għaqdiet u l-każini tal-banda huma l-qalb tal-komunità – postijiet fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu, jikbru u jħossu sens ta' appartenenza. Permezz ta' dawn l-iskemi qed inkomplu nsaħħu l-fiduċja tagħna fil-potenzjal tagħhom u nżidu l-opportunitajiet biex jinnovaw u jagħmlu differenza konkreta," tenna  is-Segretarju Parlamentari. Hu żied jgħid li dawn l-inizjattivi huma wkoll parti mill-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li tħares lejn kif nespandu u nsaħħu l-appoġġ lejn l-organizzazzjonijiet volontarji.

Filwaqt li rringrazzjat lill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda għall-kollaborazzjoni kontinwa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet li dawn l-iskemi joffru spazju vitali fejn iż-żgħażagħ jistgħu jimmaterjalizzaw l-ideat tagħhom. “L-iskemi BOOST u INVEST, flimkien mal-programm ta' taħriġ mużikali, qed jagħtu ħajja ġdida lil komunitajiet madwar Malta u Għawdex. L-impenn ta' dawk li jmexxu u joperaw dawn l-organizzazzjonijiet huwa l-ikbar xhieda li meta npoġġu ż-żgħażagħ fiċ-ċentru, noħolqu pajjiż aktar b'saħħtu u aktar konxju tal-potenzjal tiegħu," qalet is-Sa Teuma, filwaqt li ħeġġet lil kull għaqda tkompli tibbenefika minn dawn l-opportunitajiet.

Dettalji dwar l-applikazzjonijiet

BOOST hija skema tal-Aġenzija Żgħażagħ għall-għaqdiet taż-Żgħażagħ b'fond ta' €400,000, li tkopri xiri ta' riżorsi li l-għaqdiet ikollhom bżonn biex itejbu l-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ. Kull għaqda tista' tapplika għal massimu ta' €3,000. Biex jibbenefikaw, l-għaqdiet iridu jkunu reġistrati u compliant mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji, kif ukoll reġistrati bħala għaqdiet taż-żgħażagħ ma' Aġenzija Żgħażagħ.

L-iskema tat-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda tiġi mwettqa f'kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda u tkopri xiri ta' strumenti jew ħlasijiet relatati mat-tagħlim mużikali ġewwa l-iskejjel tal-mużika fil-każini rispettivi. Kull każin jista' japplika għal massimu ta' €2,500. Sabiex jibbenefikaw, il-każini jridu jkunu membri tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda kif ukoll reġistrati u compliant mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji.

Applikazzjonijiet għal dawn iż-żewġ skemi jiftħu fit-12 ta' Jannar 2026, f'nofsinhar, u jdumu miftuħa sad-19 ta' Jannar, jew sakemm jiġi eżawrit il-fond, fuq bażi first come, first served fuq il-portal vofunding.org.mt.

L-iskema INVEST hija skema operattiva (operational grant) għall-għaqdiet taż-żgħażagħ. Permezz ta' dan il-fond, l-Aġenzija Żgħażagħ timmira li tagħmel investiment fil-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ, billi tgħin lill-għaqdiet ikopru spejjeż relatati mal-ingaġġ ta' ħaddiema.

L-iskema topera fuq tliet snin, b'fond totali ta' €378,000, jiġifieri €126,000 fis-sena. Għaqda taż-żgħażagħ tista' tapplika għal massimu ta' €60,000 jekk għandha 300 membru jew aktar, jew €36,000 jekk għandha inqas. Dan ifisser li għaqda tista' tibbenefika massimu ta' €20,000 jew €12,000 fis-sena, skont in-numru ta' membri.

Applikazzjonijiet għal din l-iskema huma miftuħa sad-19 ta' Novembru 2025. Sabiex jibbenefikaw, l-għaqdiet iridu jkunu reġistrati u compliant mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji u reġistrati bħala għaqdiet taż-żgħażagħ ma' Aġenzija Żgħażagħ.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit youth.gov.mt/schemes jew fuq il-paġni tal-midja soċjali ta' Aġenzija Żgħażagħ. Għal mistoqsijiet jew għajnuna, wieħed jista' jikkuntattja lill-Aġenzija fuq agenzija.zghazagh@gov.mt.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tnedija tal-iskemi BOOST, INVEST u Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tnedija tal-iskemi BOOST, INVEST u Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow