Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Forum Dinji dwar id-Demokrazija: ir-Riformi f’Malta enfasizzati fi Strasburgu

PR251967
Date Icon 06/11/2025

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, għamel id-diskors tal-ftuħ fil-Forum Dinji għad-Demokrazija 2025, organizzat mill-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu. Il-Forum, bit-tema “Demokrazija fil-Periklu: Kif Nistgħu Nerġgħu Nsaħħuha?", laqqa' flimkien mexxejja Ewropej, politiċi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jirriflettu dwar il-futur tal-governanza demokratika.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard iddeskriva d-demokrazija bħala “impenn uman kondiviż", u wissa' kontra li wieħed jara dan il-kunċett biss mil-lenti tal-istituzzjonijiet u dawk proċedurali. Filwaqt li enfasizza l-valur tad-djalogu pubbliku u l-parteċipazzjoni ċivika, tenna li t-tmexxija vera titlob il-kuraġġ li tittieħed azzjoni deċiżiva u li jiġu implimentati riformi sinifikanti. “Huwa essenzjali li nisimgħu liċ-ċittadini," qal Dr Attard, “imma d-demokrazija tiffjorixxi meta l-mexxejja jittrasformaw id-djalogu f'azzjoni, meta jgħaqqdu l-empatija mal-konvinzjoni u l-umiltà mal-kuraġġ." Il-Ministru Attard ħeġġeġ lill-politiċi biex imorru lil hinn minn konsultazzjonijiet u jħaddnu riformi li jwasslu għal bidla konkreta u dejjiema.

Dr Attard ippreżenta r-riformi demokratiċi riċenti ta' Malta bħala mudell ta' tiġdid. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-indipendenza ġudikatura permezz ta' proċeduri ġodda ta' ħatra u dixxiplina, it-tisħiħ tal-awtonomija tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat, kif ukoll l-introduzzjoni ta' bilanċi u kontrolli aktar b'saħħithom bejn il-fergħat eżekuttivi, leġiżlattivi u dawk ġudizzjarji. Dawn ir-riformi ġew żviluppati f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni Venezja u msieħba Ewropej oħra, b'hekk kien assigurat li jkunu konformi mal-istandards internazzjonali.

Il-Ministru enfasizza wkoll l-impenn ta' Malta lejn il-libertà tal-midja u ħabbar li ġiet fi tmiemha konsultazzjoni nazzjonali dwar ir-riforma tal-midja. Malta kienet l-ewwel Stat Membru tal-UE li daħħlet id-Direttiva kontra l-iSLAPP, billi bagħtet messaġġ ċar kontra azzjonijiet legali abbużivi mmirati biex jissikket il-ġurnaliżmu fl-interess pubbliku.

Lil hinn mir-riformi istituzzjonali, Dr Attard saħaq dwar l-importanza tal-edukazzjoni ċivika u l-litteriżmu diġitali, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Huwa ddeskriva dawn l-isforzi bħala essenzjali biex iċ-ċittadini jingħataw l-għodod biex jipparteċipaw b'mod sinifikanti fil-ħajja pubblika u biex jirribattu t-theddid li ġej mid-diżinformazzjoni u l-polarizzazzjoni.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Attard tenna l-impenn ta' Malta lejn il-valuri fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-Saltna tad-Dritt, u esprima appoġġ qawwi għall-Patt Demokratiku Ġdid għall-Ewropa. Huwa faħħar ukoll ir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta fil-Kunsill tal-Ewropa għall-irwol tagħha fil-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni matul il-Presidenza ta' Malta.

Bħala parti mill-programm kulturali li ikkumplimenta l-Forum, il-Ministru Attard inawgura Fragile Foundations, wirja ta' arti kontemporanja kkurata minn Fabrizio Mifsud Soler u li tinkludi xogħlijiet ta' artisti Maltin: Francesca Balzan, Rebecca Bonaci, Kane Cali u Shaun Grech. Il-wirja tesplora temi ta' reżiljenza u tiġdid, u toffri riflessjoni fuq il-proċess demokratiku nnifsu. “Id-demokrazija, bħall-arti, qatt mhi statika," irrimarka l-Ministru Attard. “Tingħata l-ħajja permezz tal-parteċipazzjoni u r-riflessjoni – permezz tar-rieda li ninvolvu ruħna, nimmaġinaw, u naġixxu flimkien biex nibnu l-ġid komuni."

Fil-jum tat-Tlieta, il-Ministru Attard attenda ċ-ċerimonja uffiċjali li mmarkat is-75 anniversarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, indirizzata mill-Eċċellenza tagħha l-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono. Iċ-ċerimonja onorat l-impenn kontinwu tal-Ewropa lejn il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

Aktar tard filgħaxija, il-Ministru Attard ingħaqad ma' dinjitarji u mistednin f'Kunċert Gala li ttella' fl-Opéra national du Rhin. Mill-qalba tal-Mediterran sal-qalba tal-Ewropa, l-avveniment kien wieħed mill-aktar mumenti mistennija tal-programm kulturali ta' Malta matul il-Presidenza tagħha. Taħt id-direzzjoni artistika ta' Sean Buhagiar, il-kunċert offra vjaġġ memorabbli permezz ta' kapolavuri liriċi, influwenzi Mediterranji u mużika kontemporanja. L-artisti Maltin Joseph Calleja, Carmine Lauri, Nico Darmanin, Cliff Zammit Stevens, Destiny Chukunyere, Mariele Zammit u Maria-Elena Farrugia taw wirjiet b'saħħithom bħala ġieħ għall-valuri kondiviżi tal-ġustizzja, id-dinjità u l-paċi. Kienet ċelebrazzjoni tar-rikkezza kulturali Ewropea u riflessjoni fuq il-wegħda dejjiema tad-drittijiet tal-bniedem.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Forum Dinji dwar id-Demokrazija: ir-Riformi f’Malta enfasizzati fi Strasburgu
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Forum Dinji dwar id-Demokrazija: ir-Riformi f’Malta enfasizzati fi Strasburgu
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Forum Dinji dwar id-Demokrazija: ir-Riformi f’Malta enfasizzati fi Strasburgu
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow