STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Global Climate Adaptation Audits for a Resilient Future: Lessons and recommendations from Supreme Audit Institutions
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta l-pubblikazzjoni internazzjonali msemmiha hawn fuq lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, u saħaq fuq il-benefiċċji permezz tal-parteċipazzjoni tal-NAO fil-verifika globali ta’ koperazzjoni fuq Climate Change Adaptation Actions (CCAA). Din l-inizjattiva, sforz konġunt immexxi mill-International Organization of Supreme Audit Institutions (INTOSAI) Development Initiative (IDI) u l-Working Group on Environmental Auditing (WGEA), laqqgħet 54 Istituzzjoni Suprema tal-Verifika (SAI) minn madwar id-dinja, inkluż l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta (NAO). L-għan prinċipali ta’ din l-inizjattiva kien l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali kontra l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima.
Bħala parti minn din l-inizjattiva globali, f’Ġunju tal-2025, dan l-Uffiċċju ppubblika r-rapport, Climate Change Adaptation – Evaluating Malta’s efforts relating to flooding and sea level rise. Is-sejbiet ewlenin ta’ dan ir-rapport ġew inklużi bħala case study fil-pubblikazzjoni globali tal-CCAA. B’mod partikolari, il-pubblikazzjoni globali rrikonoxxiet l-Att fuq Azzjoni dwar il-Klima tal-2024 bħala żvilupp kruċjali fil-governanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima f’Malta, liema Att waqqaf l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati.
B’rikonoxximent tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq reġjuni vulnerabbli, b’mod partikolari Small Developing Island States (SIDSs), l-inizjattiva ta’ CCAA ffukat fuq elementi ewlenin bħat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, iż-żieda fil-livell tal-baħar u r-reżiljenza fiż-żoni kostali, kif ukoll l-ippjanar nazzjonali għall-adattament għall-bidla fil-klima. Is-sejbiet ewlenin ta’ din il-verifika globali ta’ koperazzjoni ġew imnedija f’avveniment iddedikat waqt il-25 Kungress tal-INTOSAI, li sar f’Sharm El-Sheikh, fl-Eġittu, bejn is-27 u l-31 t’Ottubru. Il-pubblikazzjoni tenfasizza r-rwol kruċjali li s-SAIs għandhom fit-tisħiħ tal-kontabilità u l-effettività fir-rigward tal-isforzi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.
Waqt it-tnedija tar-Rapport fuq din il-verifika globali ta’ koperazzjoni, is-Sur Charles Deguara kien parti minn panel distint li kien jinkludi wkoll rappreżentanti tas-SIDSs li qed jiffaċċjaw sfidi simili relatati mat-tibdil fil-klima. L-Awditur Ġenerali rrimarka li għall-NAO Malta din l-inizjattiva globali kienet opportunità imprezzabbli ta’ taħriġ tekniku minn esperti, kif ukoll ta’ kollaborazzjoni ma’ SAIs oħra fuq kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima. Fuq kollox, din l-inizjattiva għenet biex l-NAO jikkontribwixxi fl-isforzi nazzjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima.
Il-pubblikazzjoni internazzjonali tista’ tiġi aċċessata billi żżur il-website tal-IDI-WGEA https://www.idi.no/work-streams/relevant-sais/ccaa jew il-website tal-Uffiċċju nao.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN