STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA L-istudenti tal-Kulleġġ San Nikola jżanżnu Ġnien il-Palma f’Ħ’Attard
It-tfal tal-iskola primarja mill-Kulleġġ San Nikola żanżnu l-ġnien il-ġdid biswit l-iskola li ġie msebbaħ għat-tgawdija tagħhom u għar-residenti tal-lokalità. F’attività organizzata minn Ambjent Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli żaret lill-istudenti biex flimkien jiftħu Ġnien il-Palma.
It-tisbiħ ta’ dan il-ġnien kien possibbli grazzi għall-inizjattiva “Greening Urban Areas”.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif il-familji u t-tfal jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Gvern, u li dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ kif l-investiment fi spazji miftuħa qed jagħti lura lill-komunità. “Kif anke juri l-Budget li tħabbar, fejn l-ambjent għal darb’oħra għandu vot b’saħħtu ħafna, l-impenn ta’ dan il-Gvern favur ambjent isbaħ u aktar b’saħħtu huwa ċar. Qed inkomplu naħdmu fuq diversi proġetti ta’ spazji miftuħa, dejjem b’mod intelliġenti, dejjem għan-nies, dejjem biex il-komunità jkollha postijiet fejn tgawdi n-natura u l-paċi li toffri,” qalet il-Ministru Dalli.
Ġnien il-Palma ġie magħżul mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard biex jaqdi funzjoni komunitarja u joffri spazju miftuħ għall-attivitajiet tal-komunità. Permezz ta’ dan il-proġett sar titjib estensiv f’din iż-żona. Fost l-interventi ewlenin, ġiet installata infrastruttura għar-roti, għamara ġdida magħmula minn materjali riċiklabbli, u tgħamir ġdid għal-logħob tat-tfal filwaqt li s-sistema sħiħa tad-dawl inqelbet għal LED u saru diversi interventi biex il-post isir aktar aċċessibbli u sigur. Il-pajsaġġ tal-ġnien ġie wkoll rinnovat b’mod estensiv. Pjanti invażivi tneħħew u minflok tħawlu pjanti u siġar indiġeni li jsebbħu l-estetika filwaqt li jżidu l-valur ekoloġiku tal-ġnien.
“Dawn l-interventi minn Ambjent Malta jsaħħu l-appell viżiv tal-ġnien u jagħmluh aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Waħda mill-missjonijiet ewlenin tagħna hi li ntejbu l-ambjent urban u noħolqu ponti ekoloġiċi li jappoġġjaw il-bijodiversità lokali,” qalet Josianne Muscat, Direttur tad-Dipartiment tal-Proġetti fi ħdan Ambjent Malta.
L-inizjattiva “Greening Urban Areas” tħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex iwettqu proġetti li jintroduċu infrastruttura ħadra fi spazji urbani. L-għan ewlieni huwa li jitjieb il-benesseri mentali u fiżiċi tal-komunitajiet, speċjalment f’żoni li fihom jgħixu u jaħdmu ħafna nies u li fiha ssir attività kummerċjali. Ambjent Malta investiet €300,000 fir-rinnovazzjoni ta’ Ġnien il-Palma, filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) kkontribwixxiet €50,000 permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp (DPF).
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN