STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tittella’ l-10 edizzjoni tal-Konferenza Internazzjonali Greening the Islands, f’Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri indirizza l-10 edizzjoni tal-Konferenza Internazzjonali Greening the Islands fejn tkellem dwar l-esperjenza ta’ Għawdex u l-impenn favur is-sostenibbiltà.
Il-konferenza bit-tema ‘Expanding Holistic Island-led Solutions to Drive Global Sustainability and Climate Action’ kienet organizzata mill-Greening the Islands Foundation bejn id-29 u t-30 ta’ Ottubru 2025 u appoġġjat is-sostenibbiltà u l-awtosuffiċjenza tal-gżejjer madwar id-dinja billi promoviet soluzzjonijiet innovattivi u ‘nexus-smart projects’.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “minkejja d-daqs żgħir tal-gżira u l-isfida ta’ insularità doppja, Għawdex jibqa’ determinat biex isir gżira aktar sostenibbli u reżiljenti. Permezz tal-Istrateġija tal-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex, il-gżira Għawdxija qed tippromwovi l-użu responsabbli tal-art, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-bidla fil-klima, filwaqt li tappoġġja t-tkabbir ekonomiku u tippreserva l-wirt kulturali tagħha.” Camilleri kompla jgħid li l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa li jinkludu fost l-oħrajn proġetti ta’ afforestazzjoni, ġbir ta’ ilma tax-xita, titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u r-riġenerazzjoni ta’ parks u spazji ħodor kollha qed jikkontribwixxu għall-viżjoni sostenibbli ta’ Għawdex għall-futur.
L-avveniment ta’ din is-sena ffoka fuq l-avvanz tas-sostenibbiltà f’setturi ewlenin tal-gżejjer, fosthom l-enerġija, l-ilma, l-agrikoltura u t-turiżmu u involva sensiela ta’ sessjonijiet interattivi li indirizzaw sfidi globali filwaqt li wrew approċċi innovattivi mmexxija mill-gżejjer għall-qasam tas-sigurtà tal-enerġija, ir-reżiljenza klimatika u l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet maħduma apposta għar-reġjuni tal-gżejjer. Huwa temm id-diskors tiegħu billi kkonferma mill-ġdid l-impenn ta’ Għawdex li jkompli jkollu rwol attiv f’dawn il-kollaborazzjonijiet internazzjonali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN