Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Konferenza Nazzjonali dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea

PR251935
Date Icon 31/10/2025

Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, flimkien ma' Servizzi Ewropej f'Malta, organizza konferenza nazzjonali dwar kif l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għenu u qed ikomplu jgħinu fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Malta u Għawdex.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi indirizza l-konferenza li kienet waħda mill-inizjattivi ta' proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, bil-għan li jikber l-għarfien dwar l-investimenti tal-programmi ta' finanzjament li jaqgħu taħt il-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Din il-konferenza laqqgħet flimkien numru ta' stakeholders u uffiċjali għolja, u kienet indirizzata wkoll minn Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv ta' Servizzi Ewropej f'Malta.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li l-Gvern Malti jibqa' impenjat li jsaħħaħ il-Politika ta' Koeżjoni bħala pilastru essenzjali tal-proġett Ewropew, speċjalment għal pajjiż żgħir u gżira bħal Malta li jiffaċċja sfidi ta' insularità u limitazzjonijiet ġeografiċi. Din il-politika, kompla jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi, tirrappreżenta garanzija ta' solidarjetà u ta' żvilupp sostenibbli li tippermetti lil Malta tkompli tikber b'mod ugwali mal-bqija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

“Il-Politika ta' Koeżjoni hija l-għodda li tippermettilna negħlbu dawn l-isfidi u nieħdu sehem sħiħ fl-ekonomija u fis-soċjetà Ewropea. Għalhekk, bħala Gvern, se nibqgħu nħaddnu u nippromovu politika ta' koeżjoni b'saħħitha waqt li nkomplu naħdmu biex isiru aktar proġetti b'fondi Ewropej fil-ġejjieni," temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv ta' Servizzi Ewropej f'Malta, qal li l-konferenza “tħares lejn il-qalba tal-viżjoni Ewropea – dik tal-koeżjoni, tal-progress u tas-solidarjetà." Huwa tkellem dwar il-missjoni ta' Servizzi Ewropej f'Malta li tkompli ssaħħaħ l-għarfien pubbliku dwar kif il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea qed jittrasforma l-gżejjer Maltin.

“Dawn il-fondi mhumiex biss numri fuq karta jew linji f'baġit. Huma investiment fil-ħolm tan-nies, f'futur mimli tama u fi kwalità ta' ħajja aħjar għal kulħadd. Ir-rwol tagħna bħala Servizzi Ewropej f'Malta huwa li nagħmlu l-Ewropa aktar aċċessibbli għal kulħadd – billi niggwidaw lin-nies, mingħajr ħlas, biex jibbenefikaw minn programmi u fondi Ewropej. Flimkien, nistgħu niżguraw li kull ċittadin iħossu parti mill-progress u l-futur komuni tal-Ewropa," temm jgħid is-Sur Zerafa.

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn diversi kelliema fosthom is-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej, Jonathan Vassallo, u b'messaġġi rekordjati minn Raffaele Fitto, Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għall-Koeżjoni u r-Riformi, u Glenn Micallef, Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport.

Bħala parti minn kampanja ta' għarfien dwar il-Politika ta' Koeżjoni, kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea, Servizzi Ewropej f'Malta ħadmet għaxar filmati qosra li xxandru fil-midja soċjali u f'reklami fuq ir-radju u t-televiżjoni. Tqassam ukoll f'kull dar f'Malta u Għawdex fuljett li juri b'mod viżiv uħud mill-proġetti li saru bil-fondi ta' koeżjoni.

Il-konferenza pprovdiet ukoll spazju għal diskussjoni miftuħa dwar il-kisbiet, l-isfidi u d-direzzjoni futura tal-Politika ta' Koeżjoni, b'diskussjonijiet iffukati fuq il-fondi ta' koeżjoni għall-intrapriżi, il-kooperazzjoni territorjali, il-patrimonju storiku u kulturali, u l-iżvilupp soċjali u personali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Konferenza Nazzjonali dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Konferenza Nazzjonali dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Konferenza Nazzjonali dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Konferenza Nazzjonali dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow