Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Skemi li wasslu biex kull jumejn familja ssir sid ta’ darha

PR251927
Date Icon 29/10/2025

Il-Budget għas-sena d-dieħla wera li l-Gvern kompla jpoġġi lill-familja u l-ħtiġijiet tagħha fil-qalba ta’ kull deċiżjoni li ħa, mhux l-inqas fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes iffoka fuq żewġ skemi ewlenin li ngħataw spinta mill-Budget: l-iskema tal-First-Time Buyers u dik tal-Equity Sharing.

Il-Ministru Galdes qal li l-iskema tal-First-Time Buyers – li ddaħħlet sentejn ilu – diġà rat lil aktar minn 7,000 persuna li bbenefikaw minnha u bejniethom diġà ħadu mas-€7 miljun. L-iskema taħseb biex il-Gvern jagħti għotja ta’ €10,000, mifruxa fuq 10 snin, li titħallas b’elf ewro fis-sena, lil dawk li jkunu qed jixtru l-ewwel propjetà tagħhom.

Il-Ministru rrefera wkoll għal inċentivi fiskali li diġà huma fis-seħħ bħall-eżenzjoni fuq it-taxxa tal-boll għal first-time buyers. Hemm ukoll għotjiet speċjali, ta’ €15-il elf għal propjetà f’Malta u ta’ €40 elf f’Għawdex għal first-time buyers li jixtru post f’żona ta’ konservazzjoni urbana, dar antika u battala u binjiet oħra. B’dan il-Budget, dawk li se jixtru propjetà mhux residenzjali, bħal garaxx, mhux se jibqgħu jiġu skwalifikati mill-iskema tal-first-time buyers.

Dwar l-iskema tal-Equity Sharing, il-Ministru Galdes qal li minn meta din iddaħħlet fl-2019, aktar minn 380 persuna bbenefikaw b’aktar minn €20 miljun biex saru sid ta’ dar. Qal li grazzi għall-miżura mħabbra fil-Budget 2026, l-iskema ġiet estiża u issa se tkun eliġibbli anke għal dawk minn 25 sena ’l fuq, fosthom persuni separati. Il-Gvern żied ukoll it-threshold għal €300,000 għal persuni separati li jridu jixtru d-dar matrimonjali.

L-iskema tal-Equity Sharing hija għal persuni, li għalkemm jikkwalifikaw għal self mill-bank biex jixtru darhom, ma jkollhomx biżżejjed kapital biex jixtru. Hawnhekk tidħol l-Awtorità tad-Djar li tagħmel tajjeb għal nofs il-kapital tal-bejgħ. Wara għoxrin sena, l-applikant ikun irid jixtri s-sehem tal-Awtorità mhux bil-prezz tas-suq ta’ dakinhar iżda bil-prezz oriġinali ta’ meta nxtrat il-propjetà.

Il-Ministru Galdes qal li dawn il-miżuri wasslu biex matul l-aħħar ħames snin kien hemm familja li, kull jumejn, saret sid ta’ darha. Qal li l-għan tal-Gvern jibqa’ dak li kulħadd ikollu aċċess għal akkomodazzjoni sigura, dinjituża u affordabbli.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żagħżagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li dan il-Budget huwa riflessjoni ċara ta’ Gvern li jisma’ u jwieġeb b’miżuri konkreti għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ. Huwa sostna li l-Budget 2026 ikompli jibni fuq il-viżjoni li ż-żgħażagħ għandhom ikunu f’pożizzjoni biex jibdew ħajjithom b’mod indipendenti u dinjituż, mhux biss permezz ta’ appoġġ finanzjarju, imma permezz ta’ viżjoni usa’ li tħares lejn l-impjiegi, ir-riċerka, u l-benesseri tagħhom.

“Żgħażagħ ħabrieka li joħolmu għandhom bżonn Gvern li jemmen fihom u li joffrilhom l-għodod biex jagħmlu l-ewwel pass. Huwa għalhekk li llum għandna miżuri konkreti li jagħmlu x-xiri tal-ewwel proprjetà aktar possibbli bħall-iskema tal-Equity Sharing, issa estiża għal dawk ta’ 25 sena ’l fuq u l-iskema tal-10% tad-depożitu fuq home loan, issa b’limitu ta’ €250,000,” tenna s-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti żied jgħid li dan il-pakkett ta’ miżuri jsaħħaħ l-opportunità għal aktar żgħażagħ u koppji biex isiru sidien ta’ darhom. Kompla jgħid li dawn il-miżuri jmorru lil hinn mill-għajnuna finanzjarja biss, għax jikkostitwixxu viżjoni ċara għal pajjiż fejn il-possibbiltà li ssir sid ta’ darek ma tkunx privileġġ ta’ ftit, imma dritt ta’ kulħadd.

Fl-istess intervent, is-Segretarju Parlamentari semma wkoll miżuri oħra fil-Budget li jkomplu jsaħħu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa bħaż-żieda ta’ 15% fl-istipendji, ekwivalenti għal €6 miljun fis-sena fil-bwiet taż-żgħażagħ; l-iskema tal-gym b’xejn għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena. Huwa rreferra wkoll għall-investiment ta’ €3.3 miljun fil-Cancer Research & Innovation Hub Malta u programm ġdid ta’ €1.5 miljun fis-sena taħt Xjenza Malta sabiex jissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerka, l-industrija u s-settur pubbliku.

“Fil-qalba ta’ dan kollu hemm prinċipju wieħed: pajjiż b’ekonomija b’saħħitha li joffri futur għal uliedu. U dan il-futur qed nibnuh illum,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Skemi li wasslu biex kull jumejn familja ssir sid ta’ darha
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Skemi li wasslu biex kull jumejn familja ssir sid ta’ darha
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow