STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Dieħel f’fażi ġdida l-proġett ta’ rinnovazzjoni fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa
Il-proġett ta’ rinnovazzjoni estensiva f’Dar il-Ġmiel, id-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa, qed ikompli b’pass mgħaġġel, hekk kif bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq il-parti ta’ fuq tad-Dar, inkluż tiswija tal-gallariji, xogħol fuq il-gypsum, u alterazzjonijiet oħra strutturali. Fil-fażi li jmiss, se jibda wkoll ix-xogħol fuq is-sular t’isfel.
Waqt żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, spjega li l-ħidma qed issir b’mod iffukat u professjonali, u ħafna mix-xogħol qed jitwettaq mill-ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC). “Għandna r-residenti għadhom jgħixu hawnhekk, u s-servizzi bħal dak tad-Dementia Day Centre baqgħu għaddejjin b’mod normali. Dan juri kemm il-proġett qed isir b’attenzjoni biex ma jfixkilx il-ħajja ta’ kuljum tal-anzjani,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Agius Galea.
Pawlu Muscat, ħaddiem tal-AACC fil-manutenzjoni, spjega li bħalissa qegħdin jiġu implimentati diversi alterazzjonijiet importanti. “Bdew installazzjonijiet ġodda tas-sistema elettrika, kif ukoll sistema ġdida tal-ilma u drenaġġ. Qegħdin nibdlu kompletament is-sistemi tad-distribuzzjoni sabiex ikunu aġġornati u konformi mal-ħtiġijiet attwali ta’ ambjent residenzjali għall-anzjani,” sostna Muscat.
Huwa żied jgħid li għaddej ukoll xogħol fuq il-kmamar tar-residenti, li jinkludi għamara ġdida, filwaqt li timijiet oħra qed jaħdmu fuq tiswija strutturali u xogħol relatat mal-ġebel biex l-infrastruttura tkun kemm prattika kif ukoll estetikament aġġornata.
Dan il-proġett huwa investiment sabiex Dar il-Ġmiel tingħata lura lill-anzjani f’kundizzjoni moderna, sigura u dinjituża. Il-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli jgħolli l-livell tal-faċilitajiet għall-anzjani f’Malta, mhux biss fil-komunità iżda wkoll fil-kura residenzjali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN