STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U L-PROĠETTI STRATEĠIĊI Il-ħames edizzjoni tal-iStartup Festival: Kumpanija Amerikana bi ftuħ ta’ studio f’Malta
Waqt il-ftuħ tal-iStartup Festival li qiegħed isir bejn illum u għada f'Montekristo, il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri ħabbar li kumpanija Amerikana se tkun qed tiftaħ studio f'pajjiżna. Wevr hija kumpanija bbażata f'Los Angeles li tispeċjalizza f'esperjenzi immersivi u interattivi.
“Din il-kumpanija ddeċidiet li tespandi lejn l-Ewropa u għażlet lill-pajjiżna. Dan hu vot ta' kunfidenza ċara fl-industriji kreattivi u diġitali f'pajjiżna. Billi nġibu flimkien l-esperjenza ta' Wevr mal-ekosistema dinamika ta' pajjiżna fl-oqsma tal-films, videogame development u media diġitali, qed inkomplu noħolqu aktar impjiegi ta' kwalità, inkomplu niżviluppaw t-talent lokali u niftħu beraħ l-bibien tal-opportunitajiet għall-intraprendituri żgħażagħ," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Dwar l-iStartup Festival, din is-sena fil-ħames edizzjoni, il-Ministru Schembri qal li din hija opportunità unika fejn inġibu l-ekosistema sħiħa tal-istartups f'pajjiżna. “Entitajiet governattivi, investituri, intraprendituri, startups li diġà stabbilixxew ruħhom u fuq kollox numru ta' żgħażagħ b'ħolma. Ħolma li hawnhekk jistgħu jarawha ssir realtà, bħalma kienu startups oħra ftit tas-snin ilu. Hawnhekk naraw ħajja l-Viżjoni Malta 2050, b'kunċetti u oqsma bħall-AI, blockchain, green tech, medtech, data u l-innovazzjoni sostenibbli. Fejn permezz ta' dawn is-setturi qed jinħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dan il-Festival huwa pjattaforma fejn l-ideat Maltin isiru proġetti futuri, u fejn il-kumpaniji lokali jilgħabu rwol kruċjali fil-kompetittività ta' pajjiżna," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Il-Ministru enfasizza kif l-iStartup Festival jibqa' punt ta' referenza għal kulħadd li jemmen fl-innovazzjoni, il-kreattività u l-kollaborazzjoni, u jkompli jsaħħaħ il-messaġġ ċar li l-futur ekonomiku ta' Malta huwa mibni fuq l-ideat tal-Maltin u l-Għawdxin u fuq il-ħidma bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Matul din il-ġimgħa saru bosta avvenimenti: ġurnata ddedikata lill-istudenti fil-Malta Aviation Museum f'Ta' Qali, fejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa ddiskutiet is-settur tal-avjazzjoni u l-opportunitajiet tax-xogħol li qed joħloq; ġew rikonoxxuti l-aqwa startups Maltin; u anke workshops u sessjonijiet ta' networking f'Montekristo Estate f'Ħal Luqa li se jkomplu sa għada.
George Gregory, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise qal, “L-iStartup Festival sar avveniment ewlieni fil-kalendarju tagħna. Din is-sena qed niċċelebraw il-ħames anniversarju u għal darb'oħra qed intellgħu flimkien attività ta' jumejn mimlija b'innovazzjoni, networking u opportunitajiet ta' kollaborazzjoni. Qegħdin inkomplu naħdmu biex insaħħu l-ekosistema tal-istartups tagħna, u l-edizzjoni ta' din is-sena hija ċelebrazzjoni ta' dan kollu."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN