STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Ser ikompli jikber l-investiment soċjali
“Irnexxielna bħala pajjiż, bħala Gvern, inwettqu revoluzzjoni siekta fil-qasam soċjali. Illum f'Malta għandna 'full employment', pensjonijiet b'saħħithom u kwalità ta' ħajja aħjar. Il-Gvern jibqa' kommess, inkluż fil-Budget li ġej, li jkompli jinvesti bis-saħħa kollha fis-soċjal, fil-familji, fil-pensjonanti, u fil-pockets iż-żgħar tas-soċjetà," stqarr dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta ħarsa lejn dak li twettaq s'issa tul dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru Michael Falzon qal li minn tal-inqas kull pensjonant żdied b'€72.40 fil-ġimgħa, meta wieħed iqabbel is-sena 2025 mas-sena 2013.
Dan apparti aġġustamenti li saru lill-pensjonanti fuq il-Pensjoni Minima meta ħadu żidiet addizzjonali fl-2016 u l-2017. Ma' dawn kien hemm dawk il-persuni mwielda qabel l-1962 bi dħul pensjonabbli li jaqbeż il-capping li ħadu żidiet addizzjonali fl-2024 u l-2025.
Gawdew ukoll ir-romol li ilhom mill-2022 jieħdu żidiet addizzjonali sabiex sal-2027 ikunu qed jieħdu l-pensjoni sħiħa tal-konjuġi, u persuni li bdew jieħdu l-pensjoni wara l-2008 qed jieħdu aġġustamenti fil-bonus tal-għoli tal-ħajja.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti, Mark Musu tkellem dwar kif komplew jissaħħu l-impjiegi u naqqset id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. “11-il sena ilu nedejna politika msejsa fuq il-prinċipju li bix-xogħol jaqbillek. Ġbarna 3 policies b'saħħithom li jinkludu ċ-childcare b'xejn varat fl-2014, is-skema tat-tapering tal-benefiċċji u l-In-work Benefit fl-2015," stqarr is-Segretarju Permanenti Mark Musu.
Mark Musu sostna li llum il-pajjiż fuq assistenza soċjali f'sena qed jonfoq kważi €40 miljun anqas milli kien jagħmel 12-il sena ilu permezz tat-tnaqqis qawwi fuq id-dipendenza soċjali. Dawn ġew investiti f'benefiċċji u miżuri oħra soċjali li kienu ta' aktar bżonn.
Intant saret ukoll referenza għall-In-workBenefit, li jingħata għall-ġenituri li jaħdmu u ma jaqbżux ċertu dħul. Il-benefiċċju llum il-ġurnata jitħallas b'mod awtomatiku mingħajr il-ħtieġa li l-ġenituri japplikaw għalih fejn qed jibbenefikaw madwar 25,000 familja bi kważi 40,000 tifel u tifla taħt it-23 sena. B'kollox fi ħdax-il sena l-ġenituri eliġibbli rċevew bejniethom madwar €88 miljun.
Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li nhar it-Tnejn li ġej ser ikollna prova oħra ta' kemm bħala Gvern kommessi li jagħtu futur aħjar għal uliedna. Sostna li dan il-Gvern verament jemmen fil-potenzjal tas-soċjetà kollha, għaliex dan huwa Gvern li dejjem kien, għadu jibqa' jemmen fir-ruħ soċjali ta' pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN