Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar inizjattivi biex tkompli t-trasformazzjoni tas-settur edukattiv

pr251880
Date Icon 22/10/2025

Filwaqt li llum kienet organizzata l-ewwel konferenza mis-serje EduVoices bit-tema ta' prospettiva strateġika, li għal din id-darba trattat it-Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ELET), il-ġimgħa d-dieħla se jsiru laqgħat ta' konsultazzjoni minn sensiela, li fil-mira tagħhom hemm it-trasformazzjoni tal-kurrikulu. Dawn iż-żewġ avvenimenti huma pass importanti ieħor fit-trasformazzjoni tas-settur edukattiv f'pajjiżna.

“Il-konferenza tal-lum hija importanti għaliex qed nagħtu bidu għal sensiela ta' konferenzi u workshops li litteralment ipoġġu l-persuna fiċ-ċentru mis-setturi kollha. Aħna nemmnu li l-vuċi ta' kulħadd hija importanti fis-settur edukattiv, għalhekk it-titlu EduVoices għal dawn is-sensiela ta' konferenzi, għaliex matulhom se nisimgħu lil kull min għandu kontribut x'jagħti," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-ftuħ tal-konferenza.

Il-konferenza EduVoices ittellgħet mid-Direttorat għall-Ippjanar u l-Prospettiva Strateġika (DPSF) b'kollaborazzjoni mal-OECD-CERI, fejn bħalissa għaddej proġett ta' riċerka dwar il-futur tat-tagħlim li għall-ewwel darba ħabbru li dan l-istudju se jkun ippublikat fis-sena 2026.

“Inħabbar ukoll li nhar it-Tnejn se nibdew pass importanti ferm għal dan is-settur, il-bidu ta' sensiela ta' konsultazzjonijiet li permezz tagħhom irridu naslu għat-trasformazzjoni tal-kurrikulu, allinjat mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni ta' Malta 2024–2030 – li jwasslu għal proċess ta' riforma bil-għan li tiġi żviluppata l-viżjoni li tkun il-pedament għad-Dokument fil-perkors għad-disinn mill-ġdid u l-implimentazzjoni tal-kurrikulu," spjega l-Ministru Grima.

Il-laqgħat ta' konsultazzjoni dwar il-kurrikulu qed isiru mid-Dipartiment għall-Kurrikulu, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabbiltà flimkien mad-Direttorat tal-Edukazzjoni tal-OECD.

Il-Ministru Grima qal li s-sensiela ta' konferenzi u workshops EduVoices mhijiex sempliċiment inizjattiva oħra, imma hija inizjattiva li tikkonċentra fuq id-djalogu, is-smigħ u l-azzjoni. Hija spazju għall-istudenti, għall-edukaturi, għall-familji u għall-komunitajiet biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, il-ħsibijiet u l-ideat tagħhom dwar il-futur tal-edukazzjoni f'Malta. Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew sar ukoll survey fuq livell nazzjonali mal-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri.

Fil-konferenza tal-lum ingħatat ħarsa lejn dak li qed isir biex ikun żgurat li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew lura u li kull student ikollu l-opportunità jirnexxi. Dan huwa importanti għaliex l-edukazzjoni mhijiex biss dwar is-suċċess fl-eżamijiet, tiftaħ il-bibien lejn l-impjieg, imma wkoll lejn il-kunfidenza, iċ-ċittadinanza, it-tkabbir personali u d-dinjità. Hija l-passaport tan-nazzjon tagħna lejn il-futur.

“Jiena kburi ngħid li Malta qed tagħmel progress reali. Ir-rata tal-ELET tagħna tinsab fl-aktar livell baxx li qatt kien. Iżda din mhix sempliċiment statistika, tirrifletti x-xogħol iebes u l-impenn tal-iskejjel, tal-edukaturi, tal-ġenituri, taż-żgħażagħ u tal-partijiet kollha interessati. Juri li l-investiment fl-edukazzjoni qed jagħti riżultati tanġibbli," qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Grima temm jgħid li bħala Ministeru kommessi wkoll li jkomplu l-ħidma fuq żewġ oqsma li jispikkaw bħala prijoritajiet li huma l-appoġġ għall-benesseri li huwa essenzjali għall-istudju u l-litteriżmu — il-pedament li fuqu jinbena kull tagħlim.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar inizjattivi biex tkompli t-trasformazzjoni tas-settur edukattiv
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar inizjattivi biex tkompli t-trasformazzjoni tas-settur edukattiv
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow