STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Riġenerata żona pedonali fiż-żona f’Tal-Qares il-Mosta
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għalaq proġett ieħor ta' riġenerazzjoni fuq żona pedonali, fiż-żona magħrufa bħala Tal-Qares fil-Mosta. Għal snin twal, din iż-żona, madwar il-Kappella ta' Sant'Andrija, kienet fi stat ta' abbandun u kienet tesperjenza problemi ta' għargħar wara ħalbiet tax-xita.
Illum, din iż-żona, bl-intervent u l-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b'sinerġija mal-Kunsill Lokali tal-Mosta, inbidlet f'żona pedonali, attrezzata b'bankijiet ġodda, dawl intelliġenti li jikkumplimenta l-arkitettura tal-Kappella u tħawwil ta' siġar ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, irrimarka kif dan il-proġett ta' riġenerazzjoni f'din iż-żona pedonali jingħaqad ma' proġetti oħrajn li fl-aħħar xhur id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq fi Pjazza t-Torri u Triq Kurat Calleja fil-Mosta, fi Triq Sciortino f'Ħaż-Żebbuġ u Trejqet is-6 ta' Novembru, 559 f'Ħal Kirkop.
“Fix-xhur li għaddew rajna li d-djalogu ħaj u kontinwu mal-Kunsilli Lokali u l-komunitajiet li jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna jissaħħaħ u jitwettaq fil-prattika. Smajna kif ir-residenti riedu aktar żoni pedonali riġenerati fejn jistgħu jqattgħu ħin jirrilassaw mal-familji tagħhom, fil-fatt, f'din iż-żona fil-Mosta, li għal snin twal kienet mitluqa, qegħdin inroddu lura żona pedonali isbaħ u aktar sigura għar-residenti ta' din iż-żona," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Is-Sindku tal-Mosta Joseph Gatt spjega kif proġetti bħalma sar f'din iż-żona tal-Mosta jagħti dehra u dimensjoni differenti l-ambjent li r-residenti jgħixu fih. “Dawn huma proġetti li r-residenti u l-komunità jieħdu gost bihom għaliex joffru ambjent isbaħ u aktar sigur."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN