STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Jitwaqqaf il-Credit Review Office li se joffri medjazzjoni u komunikazzjoni bejn il-banek u n-negozji dwar self
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri nieda l-Credit Review Office. Uffiċċju li se jwassal għall-komunikazzjoni aktar wiesgħa u medjazzjoni bejn il-banek kummerċjali u n-negozji, fejn jidħol self mill-banek.
Dan l-uffiċċju se jgħin biex negozji jew self-employed li jkunu se jaċċessaw servizzi bankarji relatati ma' loans ikunu jafu x'dokumenti għandhom bżonn jippreżentaw u kemm iddum dan il-proċess biex ikun ipproċessat. Barra minn hekk dan l-uffiċċju se jkollu wkoll il-funzjoni ta' medjatur bejn iż-żewġ partijiet f'każ li s-self jiġi rifjutat.
Dan se jwassal ukoll għall-introduzzjoni ta' Banking Charter, biex b'hekk il-banek ikollhom regoli ċari u trasparenti – il-persuna tkun taf minn qabel x'dokumenti għandha tippreżenta u f'kemm żmien trid tirċievi risposta.
“Is-suċċess ekonomiku tagħna jistrieħ fuq klima ta' stabbiltà, fiduċja u trasparenza. Bħala Gvern, illum qed inkomplu nwasslu messaġġ aktar b'saħħtu, li nemmnu f'kull negozju, kull persuna self-employed u kull intraprenditur," qal il-Ministru Schembri.
Huwa rrimarka l-kollaborazzjoni sħiħa li saret biex wassalna għat-tnedija tal-Credit Review Office, fosthom esperti legali, l-Arbiter for Financial Services, l-MFSA, u l-Malta Bankers' Association. Grazzi għal din is-sħubija, ġie maħluq qafas leġiżlattiv b'saħħtu u effettiv li jagħti aktar ċertezza lill-ekosistema finanzjarja lokali.
“It-triq kienet twila biex wassalna s'hawn. Tlaqna min-negozji speċjalment SMEs li ta' kuljum kienu jgħidulna kemm hu twil u burokratiku l-proċess biex jieħdu self mill-banek u li mbagħad f'ċertu każijiet wara xhur ta' stennija jiġi rifjutat mingħajr ma tingħata raġuni. Nirringrazzja lill-banek kollha u lill-Assoċjazzjoni li meta kellimniehom l-ewwel darba fuq dan il-kunċett laqgħuna bil-bieb miftuħ u bqajna naħdmu fuq dan l-uffiċċju flimkien," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Bit-twaqqif tal-Credit Review Office, pajjiżna qed jagħmel pass konkret lejn aktar fiduċja u trasparenza. Din l-inizjattiva tkompli tissaħħaħ bil-viżjoni fit-tul ta' Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn ekonomija bbażata fuq opportunitajiet għal kulħadd, mibnija fuq miżuri li jsaħħu s-sostenibbiltà u l-prosperità tal-pajjiż.
Il-Ministru Schembri tkellem fuq miżura oħra importanti li qed issir ħidma fuqha sabiex tiġi implimentata, dik tas-Central Data Repository, tip ta' business wallet li se tgħin u tnaqqas il-burokrazija għal ġid ta' negozji u anke banek, fejn l-informazzjoni kollha ta' kumpanija tinżamm fil-business wallet. “Fuq livell Ewropew fil-laqgħat li jkolli ma' Ministri Ewropej, dan il-kunċett għadna se nibdew niddiskutuh, meta f'pajjiżna se jkun implimentat is-sena d-dieħla," qal il-Ministru Schembri.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN