Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR ​Il-perjodu għar-riċerka fuq is-seba' speċi tal-għasafar tal-għana jiftaħ nhar it-Tnejn

pr251850
Date Icon 18/10/2025

Il-ħidma tal-Gvern biex ikompli jiddefendi l-Proġett tar-Riċerka fuq l-Għasafar tal-Għana tat riżultat pożittiv hekk kif fid-19 ta' Settembru, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iddeċidiet fuq punt wieħed biss minn lista ta' allegat ksur li kienet ressqet il-Kummissjoni Ewropea kontra Malta fil-Kawża C-23/23. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-kontenut tal-Avviżi Legali tal-2020, 2021 u 2022 fejn sabet li dawn ma nkludewx dikjarazzjoni u ġustifikazzjoni dwar in-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ma ħadet l-ebda pożizzjoni fuq il-punti l-oħra li semmiet il-Kummissjoni Ewropea, ħlief li l-Qafas Regolatorju (L.S.549.145) huwa “ċar u preċiż".

Wara l-analiżi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern impenja ruħu sabiex jaċċerta li l-Avviż Legali li jiddikjara perjodu ta' riċerka jinkludi dikjarazzjoni u ġustifikazzjoni li jikkonfermaw li ma hemmx soluzzjoni oħra sodisfaċenti sabiex tinġabar l-informazzjoni dwar minn fejn jiġu l-għasafar tal-għana waqt il-passa fil-ħarifa, ħlief permezz tal-Proġett tar-Riċerka, fejn in-nassab jaqbad l-għasafar tal-għana permezz ta' użu tal-mansab, jiċċekkja għandhomx ċurkett xjentifiku, jikteb id-dettalji fuq il-formola taċ-ċrieket, iħarrabhom kollha minn l-istess post, u jirrappurtahom permezz tas-sistema telefonika mingħajr ħlas. Il-liċenzja speċjali anke tħeġġeġ lin-nassab sabiex jibgħat videos qosra fejn juru l-għasafar tal-għana tal-passa qegħdin jitħarrbu mill-istess post.

Id-dikjarazzjoni fl-Avviż Legali tinkludi seba' raġunijiet li jikkonfermaw u jiġġustifikaw in-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti biex tiġi mwieġba l-mistoqsija tal-Proġett tar-Riċerka: “minn fejn jiġu l-għasafar tal-għana li jpassu minn fuq Malta fil-ħarifa wara l-perjodu tat-tnissil?":

  1. Il-Proġett ta' Riċerka huwa ibbażat fuq studju ta' seba' speċi tal-għana li jpassu u għaldaqstant jirrikjedi metodoloġija differenti minn studju fuq għasafar li ma jpassux.
  1. Ornitoloġisti u bird-ringers ma rnexxilhomx jiġbru, permezz tal-użu ta' ranji, l-informazzjoni meħtieġa biex jintlaħaq l-għan iddikjarat tal-Proġett ta' Riċerka.
  1. Is-suċċess tal-Proġett ta' Riċerka tal-Għasafar tal-Għana ma jiddependix fuq il-parteċipazzjoni esklussiva tal-ornitoloġisti, kif muri mill-għadd ta' rkupri ta' ċrieket barranin li ġew irreġistrati minn kolletturi tad-data liċenzjati, mingħajr il-kollaborazzjoni tal-ornitoloġisti, matul il-perjodi ta' riċerka tal-għasafar tal-għana fil-ħarifa 2020–2024.
  1. Il-bird-ringers ma jużawx għajjat u taħrik, liema għajjat u taħrik huwa l-komponent ewlieni tas-sistema tal-mansab li “jippermetti qbid ta' għasafar aktar selettiv minn ranji".
  1. Iċ-ċensimenti tal-għasafar (bird censuses) huma mfassla biex jimmonitorjaw id-daqs u l-istat tal-popolazzjoni, inklużi bidliet fil-popolazzjonijiet waqt il-perjodu tat-tnissil u matul ix-xitwa u għalhekk ma jistgħu jipprovdu l-ebda għarfien dwar minn fejn jiġu l-għasafar li jpassu.
  1. Mhux possibbli li l-istudji dwar il-pases tal-għasafar (migration studies) jiddeterminaw liema għasafar tal-passa huma mgħammra b'ċurkett xjentifiku u liema mhumiex, u bl-istess mod impossibbli li jiġu rreġistrati d-dettalji ta' tali ċrieket, sakemm il-kampjuni mill-ispeċi rilevanti ma jinqabdux u jiġu eżaminati fiżikament.
  1. In-nuqqas ta' informazzjoni dwar ring recoveries tal-għasafar tal-għana, flimkien ma' fatturi imprevedibbli u kumplessi, inkluż it-temp, fost ħafna oħrajn, jagħmel l-immudellar fuq skala kbira (large-scale population modelling) inadegwat biex tiġi determinata l-ekoloġija tal-passa tal-għasafar tal-għana u għaldaqstant inadegwat biex tiġi determinata l-popolazzjoni tar-reġjuni li minnhom jiġu l-akbar għadd ta' għasafar tal-għana tal-passa qabel ma jgħaddu minn Malta.

Għaldaqstant, il-Gvern, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, qiegħed iħabbar il-ftuħ tal-perjodu ta' riċerka fuq is-seba' speċi tal-għasafar tal-għana mill-20 t'Ottubru, sal-20 ta' Diċembru 2025, iż-żewġ dati inklużi.

Kull min se jipparteċipa fil-proġett ta' riċerka fuq l-għasafar tal-għana, taħt l-awtorizzazzjoni tal-liċenzja speċjali maħruġa f'ismu, se jkun:

  • Obbligat iħarrab lura fis-selvaġġ kull għasfur tal-għana li jaqbad immedjatament wara li jkun iċċekkja jekk hux imlibbes ċurkett xjentifiku u jirrapportah dak il-ħin stess (speċi u ammont) billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile reġistrat f'ismu, jew billi juża l-mobile app 'Game Reporting MT'. Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma;
  • Obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket maħruġa f'ismu, li hija inkluża mal-liċenzja speċjali, jekk jaqbad għasfur tal-għana b'ċurkett xjentifiku;
  • Kull għasfur li jaqbad li għandu ċurkett xjentifiku għandu wkoll jiġi rrapportat dakinhar stess kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
  • Imħeġġeġ jieħu filmat qasir fejn juri l-għasafar tal-għana qegħdin jitħarrbu mill-istess post minn fejn inqabdu kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
  • Jirrapporta l-effort tar-riċerka (research effort) kull meta jieħu sehem fil-proġett ta' riċerka u ma jkunx qabad għasafar tal-għana billi, qabel jitlaq, iċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f'ismu, jew juża l-mobile app 'Game Reporting MT', kif spjegat fil-liċenzja speċjali.

Kull min hu fil-pussess tal-liċenzja speċjali għar-riċerka tal-għana legalment obbligat josserva r-regolamenti kollha marbuta ma' din id-deroga.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow