Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Konferenza fil-Jum Dinji tal-Istandards timmarka l-kisbiet tal-Gvern f’dan is-settur

PR251840
Date Icon 17/10/2025

L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tellgħet konferenza b'kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ biex tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Istandards u li ffukat primarjament fuq il-governanza, is-sostenibbiltà u t-tkabbir.

Il-konferenza laqqgħet rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat, esperti tekniċi u persuni minn diversi oqsma tal-industrija. Matulha ddiskutew ir-reviżjoni tal-istandard internazzjonali ISO 9001, li huwa l-aktar sistema ta' maniġment tal-kwalità adottata fid-dinja. Din ir-reviżjoni, li mistennija tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla, ser tpoġġi enfasi akbar fuq il-kwalità u l-governanza tajba.

Fil-ftuħ tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, spjega kif il-prinċipji li jispiraw dan l-istandard jinsabu fil-qalba tal-viżjoni tal-Gvern għal ekonomija ta' kwalità; waħda li tikber b'mod sostenibbli, tirrispetta d-dinjità tal-ħaddiema u li hi mibnija fuq fiduċja u ġustizzja soċjali. “Dak li qed niddiskutu llum mhuwiex biss suġġett tekniku jew amministrattiv, iżda qed nitkellmu dwar il-karattru tal-ekonomija tagħna; pjan għal Malta aktar ġusta, reżiljenti u prospera," qal Dr Ellul.

Huwa żied li l-Gvern diġà qed japplika fil-prattika l-prinċipji li jħaddan dan l-istandard – bħal promozzjoni ta' ambjent tax-xogħol sigur, trasparenza fil-pagi, u mġiba etika mal-ħaddiema u l-konsumaturi. Fost l-eżempji ta' dawn il-miżuri, semma r-riformi riċenti dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi u dawk temporanji, iż-żieda storika fil-paga minima, u l-obbligu ta' ħlas permezz ta' bank għal ħaddiema barranin.

“Negozju li jħaddan kultura ta' kwalità huwa negozju li jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema tiegħu. Organizzazzjoni li temmen fl-etika tinvesti fin-nies tagħha, tħallashom b'mod ġust u toffrilhom ambjent ta' appoġġ," temm jgħid Dr Ellul.

Id-Direttur Ġenerali tal-Istitut għall-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-MCCAA, George Cutajar, enfasizza li t-tmexxija u l-etika issa jinsabu fil-qalba tal-istandard il-ġdid ISO/DIS 9001. Huwa spjega li l-kwalità m'għadhiex responsabbiltà ta' dipartiment wieħed, iżda lingwa komuni ta' tmexxija li tgħaqqad l-etika, il-governanza u s-sostenibbiltà mad-deċiżjonijiet ta' kuljum. Huwa enfasizza wkoll fuq l-irwol tal-MCCAA biex tħeġġeġ u tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-esperti Maltin fil-proċess ta' formazzjoni tal-istandards Ewropej u internazzjonali, permezz ta' kumitati tekniċi lokali u barranin.

Matul il-konferenza ġie diskuss ukoll l-irwol tal-istandards fil-governanza, l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli. Kelliema ewlenin kienu rappreżentanti minn KPMG Malta, Malta Enterprise, il-Kamra tal-SMEs, l-Awtorità tad-Djalogu Diġitali, u minn Saint James Hospital Group, fost oħrajn.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Konferenza fil-Jum Dinji tal-Istandards timmarka l-kisbiet tal-Gvern f’dan is-settur
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow