STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jingħataw il-warrant 234 edukatur
234 edukatur ingħataw il-warrant mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, f'ċerimonja tal-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema, li saret fil-Kulleġġ Santa Tereża, Skola Primarja Achille Ferris fl-Imsida. Il-parti l-kbira ta' dawk li rċevew il-warrant iggradwaw madwar sentejn ilu u wara sentejn prattika ġew ikkonfermati bħala għalliema permezz ta' dan il-warrant. L-għalliema li rċevew il-warrant ġejjin kemm mill-iskejjel tal-Istat kif ukoll mill-iskejjel Indipendenti u tal-Knisja.
“Bħala Gvern nemmnu li l-mutur wara l-edukazzjoni ta' uliedna huma l-edukaturi li l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom iwasslu għas-suċċess ta' wliedna. Għalhekk qed nagħmlu l-aqwa investiment fl-edukaturi, mhux biss dak finanzjarju, imma wkoll bl-involviment tagħhom fil-politiki tal-Ministeru," qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima qal li l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni ta' uliedna. “Qed inkomplu naħdmu biex naraw li kull student inwassluh biex jasal permezz tal-ħiliet tiegħu li jkompli jiżviluppa fil-perkors edukattiv biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Dan il-perkors huwa fdat f'idejn l-edukaturi, li jagħmluh b'tant impenn u dedikazzjoni", qal il-Ministru Grima.
“Il-warrant huwa xhieda li persuna tista' teżerċita l-professjoni ta' għalliem, u jpoġġi responsabbiltà kbira fuq dawk li jirċievuh billi huma se jkunu fdati bl-edukazzjoni tal-aktar ħaġa għażiża li għandha s-soċjetà, uliedna," qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima qal li l-Gvern qed jinvesti b'mod dirett fl-edukaturi, anki billi jpoġġi madwar mejda magħhom u flimkien jitfasslu l-politiki li fuq kollox huma d-direzzjoni tal-perkors edukattiv. Dan qed isir għaliex il-Gvern jemmen li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar ta' policy-makers u li jkunu integrati aħjar fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Ministru Clifton Grima rringrazzja lill-edukaturi tas-servizz impekkabbli li jagħtu kuljum. Huwa qal li l-okkażjoni tal-lum qed tagħti rikonoxximent mhux biss għall-preparazzjoni akkademika li għandhom l-edukaturi, imma għar-rwol importanti li huma għandhom fis-soċjetà.
“L-impenn tal-Gvern huwa li nkomplu nassiguraw li din il-professjoni mhux biss tibqa' attraenti, imma nkomplu nsaħħuha, filwaqt li nassiguraw li jkun hemm l-infrastruttura u l-għodda neċessarja biex intom tkunu tistgħu taħdmu fil-professjoni tagħkom f'ambjent mill-aqwa. Qed inkomplu nagħtu wkoll prijorità lill-edukazzjoni biex din tingħata b'mod sħiħ u li tipprepara lil uliedna għall-ħtiġijiet tad-dinja tal-lum", qal il-Ministru Clifton Grima.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN