STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Se tittella’ l-15-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun
It-tema għal din is-sena se tkun dik ta’ Jurassic World Rebirth u Assassin’s Creed
Is-Sibt li ġej, 18 ta’ Ottubru, se tittella’ l-ħmistax-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun. Dan il-festival sar imfittex sew mill-pubbliku u jġib flimkien uħud mill-produtturi taċ-ċikkulata. Din is-sena dan l-avveniment se jkun miżgħud b’attrazzjonijiet ġodda mmirati kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti.
Id-dettalji dwar il-festival ingħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut. Intqal kif din is-sena se jkunu qed jipparteċipaw 78 entità privata jew mhux governattiva, b’45 parteċipant se jkun qed jesebixxi prodotti marbuta maċ-ċikkulata.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha lejn il-kunsill lokali li rnexxielu joħloq din l-attività u baqa’ jorganizzaha matul is-snin. Qalet kif ta’ kull sena din l-attività tiġbed lejha eluf ta’ persuni li joħonqu Strada Rjali, il-Ħamrun.
“Il-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun hu xhieda ta’ kemm il-kunsilli lokali qed itellgħu attivitajiet ta’ kwalità u livell li jagħmlu ġieħ lil-lokalitajiet rispettivi iżda wkoll lil pajjiżna. Matul l-aħħar snin rajna kif f’dan il-festival kien hemm imsieħba internazzjonali u hekk se jerġa’ jsir din is-sena. Il-Gvern qed jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-kunsilli lokali, f’dan il-każ tal-Ħamrun, sabiex ikomplu jixprunaw attivitajiet bħal dawn li joffru wkoll ħin ta’ kwalità għall-familji Maltin u Għawdxin,” qalet is-segretarju parlamentari.
Is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, spjega li fost l-attrazzjonijiet ta’ din is-sena hemm birra magħmula miċ-ċikkulata, kafè kif ukoll żewġ figuri magħmula miċ-ċikkulata bit-tema tal-films Jurassic World Rebirth u Assissin’s Creed. Dawn ġew magħmula miċ-ċikkulatiera Tiziano Cassar u Chris Zammit proprju għal din l-attività.
“F’din l-edizzjoni ridna li dak li se jattendi jkollu esperjenza li ma jinsihiex marbuta maċ-ċikkulata, u għalhekk rajna li noħolqu dan it-tip ta’ ikel li mhux normalment ikun assoċjat maċ-ċikkulata. Jiġifieri dawk kollha li se jattendu jistgħu jduqu ċ-ċikkulata tradizzjonali iżda wkoll innovazzjonijiet oħra marbuta ma’ dan il-ħelu tant popolari,” qal Sammut. Huwa temm jgħid kif nhar is-Sibt l-attività se tibda għall-ħabta tas-18:00 u tibqa’ għaddejja sa 00:00.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN