STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Appoġġ lill-priġunieri li jkunu waslu fit-tmiem tas-sentenza tagħhom
Il-Gvern iffirma ftehim tranżitorju ġdid flimkien ma' żewġ NGOs li jaħdmu mill-qrib ma' persuni vulnerabbli fil-komunità, SOS Malta u Fondazzjoni Mid-Dlam Għad-Dawl. Dawn l-għaqdiet ser ikunu qed iħaddmu flimkien proġett pilota, bl-enfasi tkun integrazzjoni effettiva ta' priġunieri li jkunu waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom.
Dan il-ftehim ġie ffirmat nhar it-Tlieta filgħodu, fil-preżenza tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon li tkellem dwar kif dan il-Gvern impenjat li jsaħħaħ is-servizzi u l-koordinazzjoni mas-soċjetà ċivili.
“Illum qed inħarsu lejn ftehim li se jwassal sabiex jibda jingħata servizz mill-Faċilità Korettiva ta' Kordin, u jitkompla wara li l-individwu jiskonta s-sentenza. Hawnhekk qed inħarsu illi nibnu mill-ġdid l-individwu qabel jerġa' lura fis-soċjetà," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Dan il-proġett pilota bl-isem OARS ser ikopri l-preparamenti meħtieġa marbuta mar-riżorsi umani, ħaddiema u taħriġ. Eventwalment malli jkun hemm l-istruttura fis-seħħ jibda jingħata b'mod permanenti dan il-proġett.
Min-naħa tagħhom il-Kap tal-Finanzjament u l-Finanzi ta' SOS Malta, Graziella Schiavone u d-Direttur tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl Charlene Calleja, fissru dan il-proġett innovattiv bħala wieħed li ser ikun qed jagħti aktar appoġġ psikosoċjali, terapija kemm individwali u anke għall-familja kollha. Aktar minn hekk jibdel il-vulnerabilità f'opportunità u l-iżolament f'integrazzjoni. Il-proġett jgħin ukoll sabiex l-individwi jkunu preparati biex jirritornaw lura għad-dinja tax-xogħol u anke jgħin fl-ippjanar marbut ma' residenza permanenti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN