STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Titwaħħal f’postha l-aħħar parti mill-istruttura tal-ħadid li tifforma l-flyover fl-Imsida Creek
L-istruttura tal-ħadid li tifforma l-flyover ġewwa l-Imsida Creek tinsab kompluta wara li kmieni l-Ħadd filgħodu twaħħlet f’postha l-aħħar parti, is-sitt waħda tax-xorti tagħha. Din il-parti tal-istruttura għandha tul ta’ 18-il metru u piż ta’ madwar 25.5 tunnellata. L-istrutturi kollha tal-ħadid kienu iddisinjati u manifatturati lokalment, f’inqas minn sena minn meta beda x-xogħol fuq dan il-proġett maġġuri.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li, “Dan hu proġett li qed jitwettaq b’ritmu mgħaġġel, hekk kif l-istruttura tal-flyover issa tinsab f’postha, f’inqas minn sena minn meta beda x-xogħol fuqha.”
Huwa spjega kif fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed jinfetaħ għal vetturi l-pont il-ġdid li jgħaqqad l-Imsida mal-Pietà filwaqt li l-flyover mistenni jinfetaħ għal vetturi sa’ tmiem din is-sena. “Kemm il-pont il-ġdid kif ukoll il-flyover ser jagħtuna l-aċċess li noħolqu spazju miftuħ ġdid fil-qalba tal-Imsida filwaqt li ser nibnu kanal li jservi biex nallevjaw il-problema tal-għargħar sinonima ma’ din iż-żona,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, spjega li x-xogħol fuq dan il-proġett qiegħed isir b’tali mod li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent, kemm fuq ir-residenti kif ukoll dawk li jgħaddu minn din iż-żona bil-vettura tagħhom.
“Xogħlijiet maġġuri li jirrikjedu devjazzjoni tat-traffiku qegħdin isiru fi tmiem il-ġimgħa jew bil-lejl, b’komunikazzjoni ċara minn qabel biex inkomplu nassiguraw li l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett issir b’suċċess” saħaq Steve Ellul.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN