STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tittella' b'suċċess l-10 edizzjoni tal-Gozo Sports Awards, ċelebrazzjoni u rikonoxximent tal-eċċellenza sportiva
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri indirizza l-10 edizzjoni tal-Gozo Sports Awards, avveniment annwali li jirrikonoxxi l-kisbiet, is-sagrifiċċji u l-impenn tal-atleti Għawdxin f'diversi dixxiplini sportivi. Din is-sena, iċ-ċerimonja tal-premjijiet saret fil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku l-ġdid fir-Rabat, Għawdex li huwa l-akbar investiment sportiv li qatt sar fil-gżira.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr kif “ix-xahar li għadda ftaħna dan il-Padiljun Sportiv u Akkwatiku bl-aqwa faċilitajiet bi standards internazzjonali u beda jintuża minnkom l-isportivi Għawdxin. Dan għamilnieh għax jekk irridu li l-isportivi Għawdxin jagħmlu isem meta jikkompetu, irridu nkunu aħna li nipprovdu l-aqwa faċilitajiet." Huwa żied jgħid li din il-faċilità tirrappreżenta qabża fil-kwalità tal-infrastruttura sportiva f'Għawdex, u hija pass ċar lejn l-eċċellenza.
Il-Ministru Camilleri spjega kif matul is-sena 2024, il-Ministeru għal Għawdex kompla jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu lill-atleti permezz ta' diversi skemi. Permezz tal-iSports Scheme, 67 atleta bbenefikaw minn aktar minn €13,500 biex ikomplu jitħarrġu f'Malta, filwaqt li sa Settembru ta' din is-sena, 70 atleta oħra ngħataw aktar minn €19,000 f'għajnuna diretta. Barra minn hekk, 13-il għaqda sportiva Għawdxija qasmu bejniethom €60,000 biex iwettqu proġetti b'risq il-komunità sportiva.
Il-Ministeru kompla jippromwovi wkoll it-turiżmu sportiv permezz ta' inizjattivi bħall-Kampjonat taż-Żwiemel tas-sajf fil-Korsa ta' Xħajma u l-ġurnata tal-Malta Premier League f'Għawdex, żewġ avvenimenti li kienu suċċess kbir.
L-ispirtu ta' parteċipazzjoni internazzjonali kompla jikber ukoll bil-parteċipazzjoni tat-tim Għawdxi fl-International Island Games f'Orkney, l-Iskozja li kienet it-tieni darba li Għawdex ħa sehem f'dan il-livell. Barra minn hekk, diġà bdew il-preparazzjonijiet għall-edizzjoni li jmiss tal-logħob, li se ssir fil-Gżejjer Faroe fl-2027.
Il-Ministru Clint Camilleri feraħ lill-atleti kollha nominati u lir-rebbieħa filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sportiv f'Għawdex. Huwa temm billi tenna l-wegħda li l-Gvern u l-Ministeru se jkomplu jsostnu lill-isportivi Għawdxin.
L-avveniment ta' din is-sena kompla jsaħħaħ ir-rikonoxximent lejn l-isport f'Għawdex u juri kif il-gżira qed issir ċentru dejjem jikber ta' eċċellenza, infrastruttura u talent sportiv.
Ir-rebbieħa tal-Gozo Sports Awards 2025 kienu dawn:
L-UFFIĊJAL TAS-SENA
Anton Tabone - Victoria Hotspurs FC
IL-KOWĊ TAS-SENA
Shawn Pierre Bajada - Qala Saints FC
IT-TIM TAS-SENA
Shamock Stars Sports Club – Basketball
ŻAGĦŻUGĦA PROMETTENTI
Amy Attard - Athletix AC Gozo
ŻAGĦŻUGĦ PROMETTENTI
Anthony Borg- Aquahub
SPORTIVA TAS-SENA
Lara Calleja - Gozo Clay Target Association
SPORTIV TAS-SENA
Charlton Debono - Evolve Endurance Club
Rikonoxximent għal Atleta attiv 'il fuq minn 45 sena
Chris Camilleri
Rikonoxximent għal Karriera Sportiva
Joseph Grima
Rikonoxximent Specjali Special Olympics
Giuseppina Galea
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN