STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Id il-Public Works fl-għaqdiet tal-festi u reliġjużi – f’sena mwettqa 60 proġett li saħħew it-tradizzjoni Maltija tal-festa
Mis-sena l-oħra sal-lum, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, b'kollox wettaq 60 proġett f'għaqdiet tal-festi u reliġjużi li komplew isaħħu t-tradizzjoni Maltija tal-festa.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, bħala l-eqdem dipartiment fis-servizz pubbliku, minn dejjem kien ta' spalla għall-għaqdiet volontarji kollha Maltin u ilu għal diversi snin jaħdem id f'id mal-għaqdiet volontarji u l-voluntiera kollha biex ikunu jistgħu joffru l-aħjar servizz possibbli għall-ġid komuni.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, fi żjara li għamel fis-Sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, fejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettqet xogħlijiet ta' manutenzjoni u riġenerazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, akkumpanjat mill-President tas-soċjetà Nigel Vella, saħaq kif “dan l-investiment li qed isir mill-Gvern mhuwiex biss f'għajnuna għal xi parroċċa jew għal xi każin tal-banda, imma hu investiment fil-kultura Maltija nfisha." Huwa żied jgħid li l-proġetti li twettqu poġġew lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-qalba tal-festi Maltin, bil-għan li jkun assigurat futur sostenibbli għall-festi, għall-kultura u għall-wirt storiku ta' pajjiżna.
Nigel Vella, il-President tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, spjega kif li kieku ma kinitx għall-għajnuna u l-ħidma mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, għaqdiet volontarji “bħal tagħna, li jiddependu minn din l-għajnuna, probabbli ma kinux ikunu jistgħu jagħmlu dawn ix-xogħlijiet."
Min-naħa tiegħu, Lino Bartolo, Assistent Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Każini tal-Banda, ikkonferma li permezz tal-għajnuna li qiegħda tingħata lill-każini tal-baned mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-kultura tal-festa Maltija tkun tista' tkompli tiffjorixxi u tikber.
F'lokalitajiet bħal Ħad-Dingli, iż-Żurrieq, il-Mosta, Raħal Ġdid, ir-Rabat (Malta), il-Ħamrun, il-Belt Valletta u l-Imqabba fost lokalitajiet oħrajn, ix-xogħlijiet iffukaw fuq tibdil fl-infrastruttura, f'oħrajn id-Dipartiment kien ta' għajnuna għall-każini tal-banda b'xogħol ta' manutenzjoni essenzjali fil-binjiet tagħhom, u f'oħrajn restawrati l-knejjes u l-madwar li jdawwru dawn l-opri.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN