Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Jitlesta r-restawr tal-faċċati tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun

PR251748
Date Icon 07/10/2025

Intemm b’suċċess il-proġett ta’ restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas, Żejtun. Dan ir-restawr tal-kappella sar taħt l-iskema ta’ restawr miftuħa għall-Kunsilli Lokali u twettqet bis-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni permezz ta’ ħaddiema u riżorsi tad-Dipartiment stess.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett ta’ restawr huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment fil-wirt storiku tagħna jservi mhux biss biex inħarsu l-passat, iżda wkoll biex inrawmu sens ta’ identità u kburija fil-komunitajiet lokali. “Kappelli bħal din ta’ Santa Marija tal-Ħlas jagħtuna xhieda konkreta tal-fidi, ix-xogħol u l-ħila tal-Maltin tul is-sekli. Billi nieħdu ħsiebhom inkunu qed inwasslu dan il-wirt għal ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Ministru Bonnici.

Ix-xogħlijiet bdew fi Frar 2025 wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u tlestew f’Settembru 2025. L-intervent kien jinkludi t-tneħħija tal-kisja tas-siment minn mal-ġebel, it-tindif u t-tiswija tal-faċċati, kif ukoll il-mili tal-fili bl-użu ta’ materjali kompatibbli. Sar ukoll restawr tal-aperturi tal-injam li kien jinvolvi t-tibdil ta’ partijiet iddeterjorati, kif ukoll it-tisbiħ mill-ġdid tagħhom. Barra minn hekk, is-sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita tjiebet permezz tal-installazzjoni ta’ katusi tat-tafal tradizzjonali sabiex l-ilma jinġabar mis-saqaf mingħajr ma jagħmel ħsara lill-faċċati.

Il-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas, li tinsab fiċ-ċentru ta’ Misraħ Santa Marija fiż-Żejtun, hija kappella ta’ valur storiku u kulturali kbir li darba kienet isservi bħala l-knisja prinċipali tar-raħal medjevali ta’ Ħal Bisbut, magħruf bħala r-Raħal ta’ Fuq. Fis-seklu sbatax kienet tintuża għad-dfin tat-trabi u għalhekk saret magħrufa bħala l-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas. Il-kappella preżenti nbniet fuq il-pedamenti tal-kappella oriġinali tas-sena 1575, iżda minħabba ħsarat estensivi kellha tinbena mill-ġdid. L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Isqof Davide Cocco Palmieri fit-25 ta’ Novembru 1692, l-istess jum li kienet tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ Santa Katerina. Aktar tard, fis-sena 1850, ġiet irrestawrata mir-Rev. Giovanni Tabone u sena wara ġew imqiegħda taħt l-artal prinċipali r-relikwi sagri tal-martri San Amabile.

Preżenti għal inawgurazzjoni kien hemm is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius, membri tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Arċipriet Kan. Anton Galea-Scannura.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Jitlesta r-restawr tal-faċċati tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Jitlesta r-restawr tal-faċċati tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Jitlesta r-restawr tal-faċċati tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow